Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: “Nitlob lir-Ragħaj it-Tajjeb iberikna bil-vokazzjonijiet” – L-Arċisqof

Nicole  Borg  -  22/04/18 09:00 AM


L-Arċisqof Charles Scicluna talab għal aktar vokazzjonijiet, kemm għas-saċerdozju kif ukoll għaż-żwieġ.

Fl-omelija waqt il-Quddiesa tal-ordinazzjoni ta’ erba’ djakni ġodda, l-Arċisqof silet numru ta’ punti mill-Vanġelu, meta Ġesù spjega għalfejn hu r-Ragħaj it-Tajjeb. Dan sabiex ifakkar lid-djakni l-ġodda li huma jridu wkoll ikunu rgħajja twajba.

Irrimarka li Ġesù jiddistingwi lilu nnifsu mir-ragħaj li huwa mikri, dak li ma jħabbilx rasu min-nagħaġ. Sostna li Kristu, li hu r-ragħaj it-tajjeb ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, għall-umanità.

Mons. Scicluna spjega li d-djakonat, li huwa l-pedament fl-ordni sagri, huwa li wieħed jagħti ħajtu. Fakkar kif huma qaddejja “u l-qaddej mhux biss iħares lejn dak li se jaqla’ imma jrid vera jagħti ħajtu, anke meta jista’ jiġi espost għall-periklu”.

“Il-lupu jipprova jifred il-merħla mir-ragħaj”

L-Arċisqof insista li tul il-ħajja, u skont l-analoġija li juża Ġesù fil-Vanġelu, il-lupu, l-ekwivalenti tal-ħażen, jipprova jifred lin-nagħaġ minn mar-ragħaj - azzjoni li tolqot lir-ragħaj biex ixxerred il-merħla.

Sostna li hekk kif il-Mulej ta ħajtu biex ikun hemm mumenti ta’ komunjoni, ir-ragħaj ma jridx jibża’ u jrid jaħdem għall-istess skop.

“Aħna nafu li l-Mulej, li ħa fuqu l-bixra u r-realtà tagħna ta’ qaddej, sar ubbidjenti billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib,” spjega l-Arċisqof.

Irrimarka li l-ubbidjenza ta’ Ġesù hija ubbidjenza bil-qalb u mill-qalb, liema ubbidjenza trid tiġi segwita minn dawk kollha li jagħmlu parti mill-kleru.

Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu ġew ordnati Djakni - Peter Ellul mill-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, Jean Gové mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema fil-Mosta, Aayrton Ray Muscat mill-Parroċċa ta’ Santa Luċija fl-Imtarfa u Matthew Pulis mill-Parroċċa tal-Familja Mqaddsa fl-Iklin.

Filmat: Knisja f'Malta

Ritratt: Kurja - Knisja.org/ritratti