Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Isqfijiet iwissu dwar ġenoċidju kbir fil-Kamerun

.     -  16/05/18 05:00 PM

“Il-forzi tas-sigurtà tal-Gvern tal-Kamerun qed jidħlu fil-villaġġi u joqtlu persuni innoċenti u mhux armati. Sibna katavri fil-foresti. Użaw kull metodu biex joqtlu. Qatlu ħafna u ħafna nies. Qed jikkaċċjaw għalina."

Dan hu l-kumment ta’ għalliem fi skola sekondarja fil-Kamerun li s’issa rnexxielu jeħlisha minn dan il-massakru.

Skont il-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Caritas Internazzjonali, madwar 26,000 persuna, erba’ minn kull ħamsa minnhom nisa u tfal, ħarbu mill-Kamerun lejn in-Niġerja u kuljum qed jaslu aktar. Barra minn dan madwar 40,000 persuna oħra ħarbu minn djarhom. Il-ġlied politiku qed jipprovoka kriżi umanitarja kbira fiż-żewġ pajjiżi.

Ir-refuġjati għandhom l-istess storja. Is-suldati tal-Gvern qed ifittxu, joqtlu jew ikeċċu lil dawk li jissuspettaw li huma favur il-moviment tal-minoranza li jitkellmu l-Ingliż. L-Isqfijiet Kattoliċi iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala “ġenoċidju li dejjem qed jikber”.

Ġurnalisti u organizzazzjonijiet mhux  governattivi mhux jitħallew jidħlu fir-reġjun u r-rapporti qed jaslu minn sorsi tal-Knisja u minn refuġjati li raw b’għajnejhom dawn il-massakri.

Fr. Kristo Balla Onana ta’ Caritas Kamerun qal li hu flimkien ma’ Isqof marru fil-villaġġi u sabu djar maħruqa. Min kien jgħix fihom ħarab u qed jgħix f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna u oħrajn inqatlu.

L-Isqof Andrew Nkea ta’ Mamfre qal li ħassu xxukjat meta mar iżur xi refuġjati fin-Nigerja li qed jgħixu f’kundizzjonijiet tal-biki. Huma mifruxa madwar il-pajjiż u jorqdu fit-toroq u m’għandhom xejn tagħhom. Il-problemi li wassluhom f’dan l-istat għandhom għeruq fil-fatt li fil-pajjiż jintużaw żewġ lingwi.

Il-Knisja Kattolika fil-Kamerun, li tirrappreżenta 26% tal-popolazzjoni, qed tappella għall-paċi u għal djalogu inklussiv.

Ħafna jħossu li l-Knisja Kattolika hi l-aħjar biex tagħmilha ta’ medjatur. Min-naħa tagħhom l-Isqfijiet ħeġġew lill-President Biya li jiġbor il-partiti kollha madwar il-mejda tan-negozjati, jeħles il-priġunieri politiċi u jsejjaħ lura lill-attivisti mill-eżilju, iżda dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox għax il-Gvern iddikjara li mhux lest jiddiskuti mas-separatisti.