Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmati: "Uffiċjali fil-PA jemmnu li l-proġett hu kbir wisq għal Pembroke"

Charmaine  Attard   -  16/05/18 06:32 PM

Is-Sindku ta' Pembroke Dean Hili qal li llum waranofsinhar, panel fl-Awtorità tal-Ippjanar qabel li l-proġett propost fuq is-sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) "huwa kbir iżżejjed għal Pembroke". 

Fid-diskors tiegħu lil mijiet ta' residenti u attivisti li llejla pprotestaw kontra l-iżvilupp propost minn db Group, Hili qal li ġie mgħarraf b'dan ftit qabel il-protesta. 

Is-Sindku qal ukoll li l-ġimgħa d-dieħla se jintlaħaq qbil bejn il-kunsilli lokali u joġġezzjonaw formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar. 

"Ma rridux din il-mostrożità"

Fil-mixja bejn Triq Pietru D'Armenia u l-ITS spikkaw kartelluni "Ma rridux din il-mostrożità" u għajta mqanqla lill-iżviluppaturi biex ma jidfnuhomx ħajjin -  Do Not Bury Us Alive. 

Fost ir-residenti li tkellmu, kien hemm min qal li huma għamlu numru ta' sagrifiċċji biex ikollhom ħajja diċenti u li l-iżviluppaturi, b'referenza diretta għal Silvio Debono, m'għandhomx rispett lejn il-komunità.

Preżenti kien hemm id-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Karol Aquilina, l-MP tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, il-Viċi Kap tal-PD Timothy Alden, L-eks Ċerpersin ta' Alternattiva Demokratika Arnold Cassola u s-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar, is-Sindku ta' Pembroke Dean Hili u s-Sindku ta' San Ġiljan Guido Dalli.

Fi stqarrija, Ralph Cassar qal li l-proġett City Centre hu każ klassiku ta' għotja ta' art pubblika mill-Gvern, li fi kliemu tgħabbi lill-pajjiż bi problemi ambjentali, ta' saħħa u li tnaqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies għall-gwadann ta' investitur wieħed. Saħaq li l-proġett hu oġġezzjonabbli għal għadd ta' raġunijiet. 

Anke l-Partit Demokratiku reġa' semma leħnu dwar il-proġett. Qal li dan il-ftehim qed jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali u li qed jiġi proċessat mill-Awtorità tal-Ippjanar mingħajr Develoment Brief, u mhux b'konformità mal-Pjan Lokali u mingħajr Masterplan approvat għal Paceville. 

Il-protesta organizzata mill-Moviment Graffiti, kellha l-appoġġ ta' NGOs oħra fosthom Kamp Emerġenza Ambjent, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth u Nature Trust. 

Fadal sal-25 ta' Mejju

Il-konsultazzjoni pubblika għal dan il-proġett tagħlaq fil-25 ta' Mejju. Il-proġett għadu qed jistenna l-verdett tal-Awtorità tal-Ippjanar. S'issa nġabru aktar minn elf oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp. 

F’April li għadda, kienet saret protesta oħra għall-istess għan, bl-għajta tkun li dan il-proġett se jkollu effetti tal-biża’ fuq ir-residenti u l-ambjent li jgħixu fih.

Uħud mill-affarijiet li qed ibeżżgħu lir-residenti u jħassbu lill-NGOs dwar dan il-proġett jinkludu:

  • il-kobor esaġerat tal-bini, it-torri residenzjali ta’ 37 sular u r-resort hotel ta’ 19-il sular
  • il-vjaġġi bil-karozzi li l-proġett se jiġġenera u t-traffiku li se joħloq
  • madwar 3 snin sakemm isir il-proġett, liema 3 snin ir-residenti jridu jaffaċċjaw it-trakkijiet u t-trabijiet kollha.
  • id-dell enormi li se jitfa’ dan il-proġett fuq l-inħawi
  • l-effett negattiv li se jħalli fuq Għar Ħarq Ħamiem
  • u li l-proġett se jbiddel għalkollox il-karattru ta’ Pembroke u Paceville, b’katina ta’ effetti negattivi u jkabbar l-għatx tal-iżviluppatur

db Group ħa l-art tal-ITS b’konċessjoni ta' 99 sena għal €60 miljun mingħand il-Gvern.

Din il-ġimgħa, waqt laqgħa taħraq għar-residenti ta’ Pembroke, l-iżviluppaturi tal-proġett ma weġbux għad-domanda li saritilhom, jekk huma jridux proġett bħal dak sitt metri ‘l bogħod minn darhom.