Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Korea t'Isfel se tipprova tirranġa l-affarijiet bejn Trump u Jong-un

Matthew Borg  -  17/05/18 06:32 AM

Il-Korea t’Isfel qalet li se tipprova tirranġa l-affarijiet bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti, wara li lbieraħ reġa’ feġġ ix-xrar bejn dawn l-aħħar tnejn, xahar qabel is-summit storiku bejniethom.

Il-midja tal-istat tal-Korea ta’ Fuq ilbieraħ ħabbret li jista’ jkun tħassar il-laqgħa mal-President Amerikan, Donald Trump, jekk l-Istati Uniti tibqa’ twebbes rasha u tkun trid li l-Korea ta’ Fuq tabbanduna għalkollox il-programm nukleari tagħha.

Sadanittant, Trump qal li l-Istati Uniti wkoll qed tikkunsidra tabbanduna l-laqgħa, wara dawk li sejħitilhom ‘theddid’ mill-Korea ta’ Fuq.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, għandu laqgħa ma’ Trump fit-22 ta’ Mejju, li sippost kellha ssir anki bi preparament għas-summit bejn Kim Jong-un u Trump.

Il-Blue House, kif inhi magħrufa l-binja fejn jgħix il-President tal-Korea t’Isfel, qalet li Jae-in se jipprova jagħmel minn kollox biex bil-fatti jirranġa l-affarijiet.

Il-Korea t’Isfel qalet ukoll li trid tibqa’ għaddejja bit-taħditiet mal-Korea ta’ Fuq, wara li din ħassret il-laqgħa li kellha ssir ilbieraħ.

Anki ċ-Ċina qalet tagħha. Diplomatiku għoli mill-Gvern Ċiniż qal li kulħadd għandu jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet il-Korea ta’ Fuq fl-aħħar xhur biex tinġieb il-paċi fil-peniżola Koreana, u l-partijiet ikkonċernati, speċjalment l-Istati Uniti, għandha tgħożż din l-opportunità għall-paċi.

Fir-ritratt: Il-bandiera tal-Korea ta' Fuq (Reuters)