Newsbook

Free - On Google Play

View
26/07/2014   27°   
26/07/2014   27°   

It-temp bħalissa

27°C32°C22°C
Jinħass36°C
Riħ5 Knots
Tlugħ ix-xemx06:05
Umdità76%
Indiċi UV9
Inżul ix-xemx20:12

It-temp għal għada

36°C32°C22°C
Riħ  
UV  9

IT-TNEJN

33°C

IT-TLIETA

33°C

L-ERBGĦA

31°C

IL-ĦAMIS

30°C
George Vella ma jeskludix imur il-Libja jekk ikun hemm bżonn   |  Pressjoni fuq Kunsilli Lokali minħabba vetturi barranin mitluqa fit-toroq   |  Flus fil-kont minflok l-ismart card għall-istudenti   |  Gaża: 12-il siegħa ta' waqfien mill-ġlied

Ira Losco, Valerie Vella u Pierre Mejlak jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-programm Erasmus

Martin  Bugelli  -  12/11/2012 00:00

Din il-ġimgħa rajna inizjattiva madwar l-Ewropa kollha fejn iktar minn 100 personalità mid-dinja tal-edukazzjoni, l-arti, l-letteratura, l-ekonomija, l-filosofija u l-isport mill-pajjizi membri fl-Unjoni Ewropea ffirmaw ittra miftuħa lill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern rispettivi tagħhom. F'Malta, kienu Ira Losco, Valerie Vella u Pierre Mejlak, li aċċettaw l-istedina tar-Rappreżentanza li jkunu n-nies li jirrappreżentaw ix-xewqat taż-żgħażagħ Maltin li l-programm Erasmus ikompli. X'inhu l-Erasmus u għaliex din l-inizjattiva?

Erasmus huwa programm li permezz tiegħu tingħata opportunità lil studenti universitarji ta' pajjiż li jagħmlu parti mill-istudji tagħhom f'Università parteċipi minn pajjiż membru ieħor.

Bħalissa, fil-Kunsill tal-Ministri (fejn jiltaqgħu l-Kapijiet ta' Stat, jew Ministri tal-gvern skont il-materja li tkun qed titfassal) qed jiġi diskuss u maħdum il-baġit Ewropew għas-sena li ġejja. Minħabba li xi pajjiżi qed joħolqu argumenti biex dan il-baġit jitnaqqas, fosthom argumenti biex titnaqqas l-allokazzjoni għall-Erasmus, hemm tħassib li l-postijiet għall-istudenti fuq l-iskema, kif ukoll l-għotjiet, jistgħu jkollhom jitnaqqsu sew. Tajjeb hawnhekk infakkar li l-Kunsill huwa magħmul mill-gvernijiet tal-pajjizi membri flimkien, u għalhekk dawn l-ittri ġew indirizzati lilhom, ħalli meta jkunu madwar il-mejda tad-diskussjoni u deċizjoni, ikollhom f'moħħhom dan l-appell ġenwin f'isem l-istudenti passati, preżenti u futuri ta' pajjiżhom.

Il-programm diġà affaċċja tnaqqis ta' €90 miljun din is-sena u hemm il-biża' li s-sitwazzjoni se tkompli tiħżien fl-2013. Tajjeb li nfakkarkom li matul dawn l-aħħar 25 sena, l-Erasmus ippermetta lil kważi tliet miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej li jistudjaw barra minn pajjiżhom. Dan l-aħħar, l-Erasmus beda joffri wkoll opportunitajiet ta' kollokamenti ta' xogħol f’kumpaniji f'pajjiżi barranin. Hemm ġenerazzjonijiet sħaħ li jafu xi jfisser li tgħix u taħdem flimkien ma’ nies minn kulturi oħrajn, u li tiżviluppa l-ħiliet u l-versatilità li tant huma essenzjali fis-suq tax-xogħol modern, permezz ta dan il-programm.

L-ittra twissi li l-baġits tal-UE tal-2012 u l-2013 jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikunu jistgħu jinżammu l-wegħdiet li diġà saru lill-studenti abbażi tal-impenji miftiehma minn qabel, u tisħaq li "eluf jistgħu potenzjalment jitilfu esperjenza li tibdlilhom ħajjithom".

It-theddida għall-programm ma setgħetx tasal fi żmien agħar għaż-żgħażagħ tal-Ewropa. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena żdied bin-nofs mill-bidu tal-kriżi ’l hawn u llum il-ġurnata wieħed minn kull ħames żgħażagħ Ewropej – jiġifieri aktar minn ħames miljun żagħżugħ/a – jinsabu bla xogħol. Għalkemm din il-problema ma tidhirx li laqtitna f'Malta, l-opportunità li joffri l-Erasmus lill-istudenti Maltin u Għawdxin li jkollhom esperjenza lil hinn minn xtutna hija waħda li ta' min nirsistu biex mhux biss tibqa', imma tikber u tissaħħah.

Fuq nota oħra, qed nikteb dan il-blog eżatt wara li ġejt lura l-uffiċċju miċ-ċentru nazzjonali tat-trasfużjoni tad-demm fi Gwardamanġa. Inħeġġeġ lil kull min jista', biex isib ftit ħin u jmur jagħti d-demm. Kollha naffordjaw nagħtu ftit qatriet mill-ħafna li għandna, u nkunu qed nagħmlu ġid kbir, għax il-kura fl-isptarijiet f'każijiet ta' operazzjonijiet, twelid, inċidenti u ħafna ċirkostanzi oħrajn tiddependi minn provvista ta' demm suffiċjenti. Tkunx int il-kaġun ta' xi nuqqas...

Martin Bugelli

Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta