Newsbook

Free - On Google Play

View
19/04/2015   21°   
19/04/2015   21°   

It-temp bħalissa

21°C24°C15°C
Jinħass24°C
Riħ1 Knots
Tlugħ ix-xemx06:25
Umdità55%
Indiċi UV7
Inżul ix-xemx19:38

It-temp għal għada

21°C21°C14°C
Riħ  
UV  7

IT-TLIETA

21°C

L-ERBGĦA

20°C

IL-ĦAMIS

19°C

IL-ĠIMGĦA

20°C
Il-Partit Nazzjonalista jirbaħ lura il-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar; Graziella Galea eletta Sindku   |  Dgħajsa b’700 migrant tinqaleb qrib Lampedusa   |  Tfajla ta' 22 sena minn Nadur titlef ħajjitha f'inċident tat-traffiku   |  Twissija dwar ħuta kbira viċin Għajn Tuffieħa

Minn fejn jiġu l-fondi Ewropej?

Martin  Bugelli  -  30/11/2012 07:50

Żgur li ma jaqgħux mis-sema! Il-ġimgħa l-oħra stajna nsegwu l-aħbarijiet mill-Kunsill Ewropew proprju fejn il-kapijiet tal-pajjiżi membri ltaqgħu biex jiddeċiedu dwar il-baġit kemm tas-sena li ġejja, imma fuq kollox tas-seba' snin ta' wara (2014-2020). Qed nitkellmu fuq ir-riżorsi li għandha bżonn l-Ewropa biex tilħaq il-miri li qablu dwarhom dawn l-istess pajjiżi. Fil-verità, il-biċċa l-kbira tal-flus jiġu mill-pajjiżi membri stess, li jikkontribwixxu ammont skont id-dħul nazzjonali tagħhom. Ma' dawn hemm ukoll dħul mit-taxxa tal-VAT kif ukoll minn dazji li jitħallsu meta jiġu impurtati prodotti minn barra l-UE.

Taf fiex ifakkruni dawn in-negozjati u d-diskussjonijiet? Meta konna żgħar (mhux għax issa m'iniex – ejja ngħidu kont iżgħar) u konna noħorġu filgħaxija, ħafna drabi konna noħorġu xi ħaġa tal-flus kull wieħed, ngħaqqdu li niġbru, u mbagħad inġibu x'nixorbu minn dak l-ammont. Qatt ma konna noqogħdu nfittxu min ħareġ xiex u min xorob kemm. Ladarba ħriġna, l-aqwa li nieħdu pjaċir. Jekk illum jien ħriġt lira u inti forsi kont qiegħed naqra magħfus ma konniex sejrin inżommuk milli tieħu drink magħna!

Il-baġit tal-UE, jiġifieri l-ammonti u t-tqassim tiegħu, jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea. Imma fl-aħħar mill-aħħar huma l-pajjiżi bejniethom li jridu japprovawh. U hawn fejn naraw lil kulħadd jiġbed għal xawwatu, bħalma wara kollox Malta stess tipprova kemm tista' tħares l-interessi u l-bżonnijiet tagħha. Ikun hemm bosta raġunijiet għalxiex ċerti pajjiżi jieħdu l-pożizzjoni partikolari tagħhom: min għax ikun irid jissalvagwardja xi settur paritkolari, min (bħal Malta) għax irid jibqa' jieħu ċerti fondi biex itejjeb l-infrastruttura tiegħu biex jipprova jilħaq il-livell ta' min hu aktar żviluppat, u min forsi għax ikollu pressjoni politika interna.

Id-diskussjonijiet ikunu kumplessi li ma ngħidlekx. Meta wieħed jibda jidħol fid-dettall jista' jintilef faċilment, u għalhekk importanti ħafna d-diskussjonijiet tekniċi li jkunu qed isiru bla waqfien. L-eżitu ta' dan il-Kunsill kien qisu posponiment. Deher ċar li kien diffiċli li jintlaħaq qbil, u għalhekk kulħadd ħareġ bit-tama li sal-laqgħa li jmiss ċerti pożizzjonijiet forsi jitrattbu.

Hemm żewġ kampi ewlenin. Hemm dawk li qed jappoġġaw lil-Kummissjoni Ewropea fil-proposti tagħha li jkun hemm żieda marġinali u nfiq aħjar bl-għan li, per eżempju, l-impriżi Ewropej isiru aktar kompetittivi u biex ikunu jistgħu jitwettqu l-proġetti li hemm maħsuba sal-2020.

Imbagħad hemm grupp ieħor ta' pajjiżi (li ħafna minnhom joħorġu aktar milli jdaħħlu fondi diretti) li jidhrilhom li l-baġit tal-UE għandu saħansitra jitnaqqas. Ma nixbax infakkar li l-benefiċċji jew il-piżijiet marbuta mal-UE m'humiex sempliċiment kemm iddaħħal jew toħroġ fondi. L-UE ġġib magħha wkoll suq enormi, li minnu dawn l-istess pajjiżi jgawdu mhux ftit, speċjalment għaliex normalment huma l-aktar pajjiżi li jesportaw lejn is-suq Ewropew.

Hekk nistħajlu l-karus tal-UE. Mhux kulħadd joħroġ l-istess. U mhux kulħadd jixrob indaqs. Imma l-għan huwa li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd f'salt jimxi 'l quddiem u l-Ewropej ikunu ċittadini li jgħixu tajjeb, kemm jista' jkun dejjem għada aħjar mil-lum.

Martin Bugelli

Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta