Newsbook

Free - On Google Play

View
20/12/2014   15°   
20/12/2014   15°   

It-temp bħalissa

15°C18°C12°C
Jinħass18°C
Riħ8 Knots
Tlugħ ix-xemx07:08
Umdità79%
Indiċi UV2
Inżul ix-xemx16:51

It-temp għal għada

18°C18°C12°C
Riħ  
UV  2

IT-TNEJN

18°C

IT-TLIETA

19°C

L-ERBGĦA

18°C

IL-ĦAMIS

17°C
Il-permessi tar-ristoranti għandhom jiġu nfurzati mill-Kunsilli – Ombudsman   |  Għawma kiesħa f’Tas-Sliema għall-Istrina!   |  L-intervista tal-ġimgħa mal-Ministru Joe Mizzi   |  Ir-Russja ssabbat saqajha quddiem sanzjonijiet ġodda imposti fuq il-Krimea

L-UE taħdem biex tnaqqas id-diskrepanzi

Martin  Bugelli  -  30/09/2012 00:00

Mhux faċli li tikkomunika xi tfisser l-Unjoni Ewropea… Ħafna nies li nitkellem magħhom jgħiduli illi kkumplikata wisq, li hemm ħafna regolamenti, u li diffiċli biex tinftiehem mill-individwu. U jkolli ngħid li dan is-sentiment jagħmel ħafna sens, għax huwa fatt li l-Unjoni Ewropea hija ħaġa vasta u li tkopri l-elementi kollha li jolqtu lill-ħajja taċ-ċittadini tagħha, b'direttivi u regolamenti mmirati dejjem biex l-istess ċittadini jkollhom livell ta' ħajja dejjem aħjar, u livell ta' ħajja dejjem iktar viċin lejn xulxin bejn l-istati membri. L-UE taħdem dejjem biex tnaqqas id-diskrepanzi bejn l-għejxien taċ-ċittadini tagħha fid-diversi partijiet tagħha, u taħdem ukoll biex tara li anki l-pajjiżi ġirien u inqas żviluppati jiġu megħjuna.

Kif jista’ xi ħadd bħali, li għandu bħala waħda mir-responsabbiltajiet tiegħu l-isfida li jikkomunika dan kollu, joħlom li ser jirnexxilu jagħmel dan f'ħakka t'għajn? L-informazzjoni hija kollha pubblika imma tant hi vasta li huwa impossibbli li tassorbiha f'daqqa. Allura l-iktar strateġija effettiva biex jitwassal dan it-tagħrif huwa biċċa biċċa, għax kif jgħid il-Malti, Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra! Dejjem nippruvaw nispjegaw aspetti partikolari tal-politika Ewropea b'mod sempliċi, u illustrat b'eżempji ta’ kif fil-fatt jolqot liċ-ċittadin. Pereżempju, il-pajjiż kollu kellu interess fuq is-sajjied li ntilef bid-dgħajsa l-ġimgħa l-oħra. X'għandu x'jaqsam mal-UE nistħajjilkom tgħiduli?…. Mal-ewwel daqqa t'għajn xejn, imma mbagħad niftakru li l-Forzi Armati ta' Malta rċevew għajnuna sostanzjali mill-UE li permezz tagħha setgħet iżżid il-kapaċità tagħha ta’ Search and Rescue permezz tal-ajruplan tat-tfittxija King Air…u niftakru wkoll li kien propju dan l-ajruplan li sab lil dan is-sajjied iktar minn 45 mil nawtiku ’l barra minn xtutna, u b'hekk seta’ jiġi salvat, u jirritorna qawwi u sħiħ ma’ familtu. Huwa eżempju ħaj u ċar tal-effett fuq individwu u fuq is-soċjetàtal-politika Ewropea ta' sostenn. Intenni li mhux faċli li jsiru dawn ir-rabtiet, għax ġaladarba l-ajruplan inxtara u qiegħed hemm, ħafna drabi niħduh for granted, sempliċiment għax ma nkunux infurmati biżżejjed.

U għalhekk kien bi pjaċir kbir li aċċettajt l-istedina tal-kamra tal-aħbarijiet tal-RTK, illi nkun kontributur regolari bħala blogger fuq is-sit elettroniku ġdid NEWSBOOK. Hija inizjattiva sabiħa u li żgur ser tikkontribwixxi biex l-informazzjoni dwar kollox titwassal lil kulħadd b'firxa usa’ ta' mezzi ta' komunikazzjoni. Nifraħ lil min ħadem biex jiġi varat dan il-proġett li żgur ser jieħu postu malajr fil-mużajk ta' mezzi komunikattivi li għandna f’pajjiżna, u li għandu l-valur miżjud li jilħaq lil tant Maltin u Għawdxin li jgħixu ’l bogħod minn xtutna, imma li għad għandhom għal qalbhom lil art twelidhom, u ġrajjietha.

Martin Bugelli

Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta