Newsbook

Free - On Google Play

View
18/12/2014   14°   
18/12/2014   14°   

It-temp bħalissa

14°C18°C12°C
Jinħass18°C
Riħ8 Knots
Tlugħ ix-xemx07:06
Umdità83%
Indiċi UV2
Inżul ix-xemx16:50

It-temp għal għada

18°C18°C13°C
Riħ  
UV  2

IS-SIBT

18°C

IL-ĦADD

18°C

IT-TNEJN

17°C

IT-TLIETA

18°C
Awdjo: ​“L-Ambaxxata Libjana f’Malta ilha maħtufa 3 ġimgħat”   |  24 koppja jidħlu f'unjoni ċivili minn kemm ilha li daħlet il-liġi   |  Servizz ġdid tat-trasport pubbliku minn Jannar   |  Deċiżjoni 'storika' minn Qorti Ewropea dwar il-Ħamas

Tħobbha l-lażanja bil-laħam taż-żiemel?

Martin  Bugelli  -  15/02/2013 14:48

L-ewwelnett, tħobbu l-laħam taż-żiemel jew le? Tħobbu jew ma tħobbux, għandek id-dritt li tkun taf li, jekk xtrajt xi ħaġa, jew servewk xi ħaġa tal-ikel, tkun taf x'fiha. Imbagħad tagħżel int abbażi tal-informazzjoni korretta li jkollok ghad-dispożizzjoni tiegħek. Qed nitkellem fuq hekk, għax din il-ġimgħa, il-laħam taż-żiemel qajjem kjass mhux ħażin madwar l-Ewropa. Żgur li smajtu bil-każ fejn instab li ċerti prodotti, bħal lażanja lesta u anki burgers, kien fihom ammont ta' laħam taż-żiemel fit-taħlita mal-ikkapuljat jew fil-pulpetta. Il-problema mhix il-laħam taż-żiemel fih innifsu, imma l-fatt li kien parti minn prodott mingħajr ma kien imniżżel bħala ingredjent fuq it-tabella. Jiġifieri l-konsumatur ikun mingħalih qed jiekol iċ-ċanga, u fil-fatt, ikun qed jiekol xi ħaġa oħra.

Din ma kinitx kwistjoni ta' xi periklu għas-saħħa, imma kwistjoni ta' qerq minn xi produttur fil-katina tal-produzzjoni, li daħħal il-laħam taż-żiemel minflok laħam ieħor, għax hekk kien jaqbillu.

Hija ħaġa naturali, allura, li reġa' qam l-interess qawwi dwar kemm il-konsumatur qed jiekol verament dak li hemm imniżżel fuq it-tikketta. U hawn tidħol l-UE bir-regoli tagħha dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lilna l-konsumaturi. Aktar minn hekk, l-UE għandha sistema biex prodott ikun jista jinstab fejn inħadem u minn fejn ġie. Għalhekk, minn fejn tkabbar sa fejn inbiegħ, il-prodott jgħaddi minn katina ta' proċessi identifikabbli. Meta mbagħad ikun hemm xi problema bil-kwalità tal-ikel, wieħed ikun jista' jmur lura mill-ewwel u jsib minn fejn ġejja u minn fejn għaddiet sakemm waslet għandek.

Kif spjega tajjeb il-Kummissarju Tonio Borg, li huwa responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur, din il-biċċa xogħol tal-laħam taż-żiemel fil-lażanja kien każ ta' frodi fil-mod kif ġew ippreżentati lill-konsumaturi il-prodotti in kwistjoni. Huwa l-operatur kummerċjali li għandu l-obbligu li jobdi r-rekwiżiti Ewropej fejn jidħlu r-regoli dwar l-ikel. Imbagħad, l-infurzar isir mill-awtoritajiet fil-pajjiżi nfushom. Ngħidu aħna, f'Malta għandna l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Dawn l-aworitajiet fil-pajjiżi differenti għandhom sistema kif jgħaddu l-informazzjoni lil xulxin. Fil-fatt, kienet proprju investigazzjoni ta' awtorità minn dawn (dik tar-Renju Unit) li kixfet dan il-każ.

F'din is-sitwazzjoni l-Kummissjoni Ewropea tgħin billi tikkoordina x-xogħol bejn il-pajjiżi biex tara li dak li jsibu fis-swieq rispettivi tagħhom ikun komunikat lill-oħrajn. Il-ħsieb hu li issa jiżdiedu l-kontrolli fuq il-prodotti li fihom il-laħam, u partikolarment fuq it-tikketti li jkollhom.

Nerġa' ntenni li din l-istorja kollha li qamet ma kinitx tfisser li l-laħam taż-żiemel innifsu ma jistax jittiekel, jew li kien fih xi ħaġa ħażina. Sempliċiment, li għall-interess ta' gwadann ta' ċerta produtturi, użaw il-laħam taż-żiemel bil-moħbi, minflok iċ-ċanga – għax ġihom irħas!