Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-istudenti fiċ-ċentru tal-edukazzjoni!

Mario  Cachia  -  18/03/2013 11:35

Issa li l-elezzjonijiet għaddew u l-ħajja bil-mod terġa tibda tidħol fir-rutina tagħha. Smajna ħafna proposti differenti; minn ‘tablets’ għat-tfal għal ‘powerstations’ tal-gass, għal stipendji għar-‘repeaters’ u ħafna aktar. Pero issa l-kliem u l-agħa jwarrbu posthom għax-xogħol u l-iskrutinju tal-poplu.

L-għajta tagħna l-istudenti kienet u tibqa’ l-istess. Irrid nassiguraw edukazzjoni b’saħħitha u sostenibbli li żżomm fiċ-ċentru tagħha l-istudent. Huwa bla skop illi nħarsu lejn biżibilju mudelli differenti, jekk fil-mentalita tagħna ma jkunx hemm imnaqqxa din il-frażi wisq importanti. X’inhu l-iskop li mmorru l-iskola sa minn eta żgħira imma mbagħad ma niftakru xejn wara li jgħaddi l-eżami? Għalfejn tiggradwa bl-ogħla merti u meta tidħol fil-post tax-xogħol issiba diffiċli tkampa f’dak l-ambjent? Għalfejn tmur għal xi ‘lecture’ u l-għalliem ma jitfaċċax? Dawn il-mistoqsijiet iqajjmu diversi punti li wieħed jista’ jaħseb u jiddiskuti.

Bla dubju ta’ xejn li l-involviment tal-istudenti fit-tfassil tal-programmi edukattivi għandu jingħata aktar importanza. Diversi konsultazzjonijiet isiru regolarment, pero nemmen li jistgħu jkunu aktar effettivi u mmirati lej aktar setturi speċifiċi. Fl-Universita’ rridu naraw dejjem aktar involviment tar-rappreżentanti tal-istudenti fl-istrutturi uffiċjali bħas-Senat u l-Kunsill. Ftit taż-żmien ilu, bis-saħħa tal-KSU dan l-ammont żdied, pero xorta għad fadal milli nilħqu l-persentaġġi ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Taħriġ fil-komunikazzjoni hija wkoll xi ħaġa mportanti ħafna. Diversi għalliema u ‘lecturers’ ta’ skola u għerf kbir, ħafna drabi jsibuha bi tqila sabiex jgħaddu t-tagħlim tagħhom b’mod effettiv. M’huwiex biss il-kontenut ta’ dak li qegħdin nitgħallmu, imma anka il-mod ta’ kif dan jiġi trasmess. Komunikazzjoni personali hija wkoll kruċjali fejn jidħol it-tagħlim, sabiex nkomplu nassiguraw li l-istudent qiegħed jingħata l-attenzjoni u l-importanza meħtieġa.

Ovvjament fil-qasam terzjarju rridu nkunu aktar attenti kif jitwassal dan il-messaġġ. L-Universita’ m’għandix tkun skola fejn tpoġġi wara l-bank tassorbi biss dak li qed tisma’. L-Universita’ trid tkun il-post fejn issir kapaċi tixtarr dak li tisma’, u tibni l-opinjoni tiegħek. Il-post fejn il-ħolm isir realta u fejn issib lilek innifsek bħala persuna. Sfortunatament ċertu individwi jfallu milli jirrealiżżaw dan, u jibqgħu iqisu l-Universita’ daqs li kieku kienet biss kontinwazzjoni tal-edukazzjoni obbligatorja. U huwa proprju għalhekk li rridu nżommu f’moħħna dal-kunċett tal-istudenti bħala ċ-ċentru tal-edukazzjoni, għaliex hekk biss nistgħu naslu f’punt fejn ngħidu li l-edukazzjoni qegħda tħalli l-frott meħtieġ.

Ibda minn affarjiet żgħar bħal komunikazzjoni aħjar u aktar moderna, u kompli fuq temi aktar wiesa bħal viżjoni fit-tul tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja, irridu nżommu f’moħħna li dan kollu qiegħed isir għal għan wieħed; dak li nrawwmu lill-istudenti bl-aktar mod ħolistiku sabiex fl-aħħar mill-aħħar inħallu lit-tfal tagħna pajjiż aħjar minn kif sibnih aħna stess!

Mario Cachia

President, Kunsill Studenti Universitarji