Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Iż-Żgħażagħ u t-Teknoloġija

Mario  Cachia  -  25/03/2013 08:54

Fis-snin li għaddew rajna qabża kbira fit-teknoloġija u fl-immodernizzar tal-mezzi tax-xandir u komunikazzjoni. Bla dubju ta’ xejn li r-realtajiet li ngħixu llum m’għandhom xejn x’jaqsmu ma dawk li kienu jgħixu fid-deċennji ta’ qabilna. Fejn qatt kont timmaġina li t-telefon jista’ jkun mingħajr ‘wire’. Mhux talli żviluppaw il-mowbajls, talli llum qegħdin ngħixu f’dinja fejn mill-mowbajl tista’ pratikament tkun taf kull ma qed jiġri fid-dinja ta’ madwarek.

Mingħajr tlaqliq, dawk t’eta żgħira huma l-aktar nies li jkunu aġġornati fuq l-aħħar teknoloġiji u dan bir-raġun, minħabba li fl-eta żgħażugħa wieħed ikun irid jesplora u jsir jaf b’dak kollu li jkun ġdid. Ċert ukoll li t-teknoloġija qegħda u se tkompli tagħmel ħafna u ħafna ġid għas-soċjeta kemm lokali u kemm internazzjonali. Speċjalment fejn tidħol l-edukazzjoni, huwa importanti ħafna li nħeġġu aktar użu ta’ mezzi ġodda teknoloġiċi sabiex inwasslu il-messaġġ tagħna u t-tagħlim li rridu ngħaddu. F’kull qasam, ibda mill-edukazzjoni primarja sa dik terzjarja, tista’ tibbenifika minn diversi għodod li jistgħu biss jgħinu u jsaħħu t-tagħlim.

Nieħu mill-qasam terzjarju, qegħdin naraw numru t’inizzjattivi ġodda speċjalment minn naħa tal-Universita sabiex tintroduċi aktar u aktar l-użu tat-teknoloġija u l-informatika. Apparti mill-binjiet ġodda tas-Servizzi tal-IT u l-Fakulta tal-IT, li jsarrfu f’proġetti infrastrutturali li jkompli jsaħħu dan il-qasam, qegħdin naraw ukoll promozzjoni qawwija tal-użu ta’ servizzi diġitali, fosthom il-‘Virtual Learning Environment’ li jipprovdi lill-istudenti spazju online fejn isibu numru ta’ noti u materjal relatat mal-kors tagħhom. Hija ħasra kbira li għalkemm kull student għandu aċċess għal dan is-servizz, il-persentaġġ ta’ lecturers li attwalment jużawh huwa minimu ħafna. Huwa d-dmir tagħna l-istudenti li nkomplu nisħqu fuq aktar użu wiesa ta’ dan it-tip ta’ servizzi, għaliex b’hekk biss nistgħu verament inlaħħqu mal-eżiġenzi ta’ llum il-ġurnata u ntejbu l-kwalita tal-edukazzjoni tagħna.

Bħala KSU, qegħdin ukoll nimxu f’din it-triq u bil-qalb kollha għannaqna l-użu tat-teknoloġija fil-metodi kollha ta’ kif naslu għand l-istudenti. Apparti mis-‘social media’ u diversi preżenzi ‘online’, ħassejna l-ħtieġa li nagħmlu pass ieħor ‘il quddiem, sabiex verament inkunu viċin tal-istudent kullimkien u b’mod mill-aktar kontemporanju. Għadna kif għalhekk nedejna ‘smartphone application’ li tagħti lok lil kull student sabiex ikun aktar qrib tal-ħidma u s-servizzi li joffri l-Kunsill mill-kumdita ta’ butu. Grazzi għad-‘developers’ ta’ dan il-proġett, kumpanija Maltija bl-isem ta’ NCODX Ltd. personalment inħoss li dan kien verament pass ‘il quddiem fil-mod ta’ kif noqorbu aktar lej l-istudenti b’mod mill-aktar modern u teknoloġiku, kif għandu jkun fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha.

Minn hawnhekk, proprju minn ‘online blog’, nixtieq nawgura lill-qarrejja kollha ta’ Newsbook, speċjalment iż-żgħażagħ u l-istudenti, l-Għid it-Tajjeb lilkom u l-familji tagħkom.

Mario Cachia

President, Kunsill Studenti Universitarji