Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Persuni li ħarġu mill-vizzju tad-droga

Sina  Bugeja  -  16/04/2013 09:37

Meta persuna jirnexxiela tħalli l-vizzju tad-droga warajha, l-aktar ħaġa mportanti għaliha tkun li terġa tintegra ruħha lura fis-soċjeta. Il-vizzju jew id-dipendenza fuq id-droga tkun għamlitha kapaċi taħseb biss fiha nnifisha. U forsi lanqas dan ma huwa eżatt, għax fil-verita tkun saret persuna kapaċi taħseb biss fid-doża ta’ droga li jmiss ...tkun qed tgħix biss għad-droga.

B’ħafna xogħol prinċiparjament mill-persuna nnifisha flimkien mal-professjonisti u l-familja  (fejn ikun hemm familja) jew sieħeb / sieħba  persuna tasal li tħalli warajha din id-dipendenza u terġa tibda tgħix. Imma biex tibda tgħix trid terġa tidħol lura fis-soċjeta bħala persuna impenjata li tintegra ruħha. U l-aktar mod li tkun veru integrata huwa permezz tax-xogħol fejn apparti li tkun attiv, tkun ukoll kapaċi tieħu ħsieb tagħha nnifisha u ta’ dawk li jkunu dipendenti fuqha.

Ix-xogħol huwa mportanti ħafna. Imma persuni li jkunu ħallew il-vizzju warajhom aktarx ikollhom kondotta mtebba għax il-vizzju tad-droga jwassal għal ħafna kriminalita prinċiparjament serq sabiex tinxtara s-sustanza. U b’kondotta mtebba ma tantx isibu min iħaddimhom. Ħafna minn min iħaddem ma jieħdux riskju u jimpjegaw persuna bil-kondotta mtebba. Imma minn naħa l-oħra jekk ma jsibux xogħol iċ-ċans li jerġgħu jaqaw lura fil-problema jiżdied ħafna. Ix-xogħol jagħti struttura mprotanti ħafna għall-ħajja.

U l-kumplament tas-soċjeta tistenna li wara l-investiment li jkun sar fuq persuna li kienet tabbuża mid-droga huwa li ssib ix-xogħol u tkun produttiva. Anke l-persuni li joħorġu mill-vizzju dak li jkunu jridu imma jekk ħadd ma jkun lest li jtihom ċans, dawn x’possibilita għandhom? Ikun hemm min ikun kapaċi jiftaħ negozju għal rasu u f’din iċ-ċirkostanza, l-kondotta ftit li xejn tagħmel differenza. Hawn numru li illum mixjin il-quddiem fin-negozju. Imma min mhux kapaċi jaħdem għal rasu jew m’għandux l-abiltajiet meħtieġa għal dan, xi jsir minnu?

Nifhem li mhux la kemm tafda speċjalment jekk tkun ingdimt imma jekk il-messaġġ tagħna jkun li dawn mhumiex nies ta’ min jafdhom, inkunu qed inwaħħlu tabella oħra fuq il-persuna u din aktarx twasslu biex dak li jkun jagħmel eżatt dak li t-tabella tkun tgħid.

L-esperjenza tiegħi hija differenti. Jien naf nies li meta sabu min jafdhom kienu attenti ħafna sabiex ma jiddiżappuntawx. U mhux hekk biss imma huma ħaddiema li tant apprezzaw li ingħataw ċans ieħor li jatu lura ħafna aktar milli hu mistenni minnhom.

Hawn numru ta’ azzjendi li jħaddmu u li lesti jgħatu ċ-ċans mixtieq u ħafna ingħataw dan iċ-ċans. Waqt li ma nistax ngħid li mija fil-mija kollha rnexxew, nista ngħid li ħafna u ħafna persuni reġgħu waqfu fuq saqajhom u illum qed jiffunzjonaw b’mod normali fis-soċjeta u ukoll għandom familja u kapaċi jieħdu ħsiebha kif wieħed jistenna.

Imma m’hawnx biż-żejjed minn dawn l-azjendi. Għandna bżonn nipprovdu xogħol varjat għax mhux kulħadd maqtugħ biex jaħdem fil-catering  jew fil-ġebel .... Mhux kull persuna li spiċċat vittma tad-droga m’għandhiex skola u ċertifikati imma dan seta kien esperjenza għal perjodu partikulari  u imbagħad tħalla wara l-persuna nvoluta. Kieku nnaqqsu ftit mill-preġudizzji li għandna u ninsew għal ftit il-ħafna sterotipizzar li nafu nagħmlu, persuna li ħalliet il-problema warajha tkun tista tiffunzjona aħjar fis-soċjeta. Aħna parti mid-diffikulta li jsibu dawn l-uħud.

Mhux qed nistenna li nafdaw lil kulħadd b’għajnejna magħluqa jekk ma nafuhomx imma nistenna li meta nkunu għamilna l-assessments meħtieġa, nħarsu l-quddiem u mhux lura. U nigbru aħna u jikbru ta’ madwarna.

 

Sina Bugeja

Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali