Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-Ewwel MEPs nisa fil-Parlament Ewropew

Martin  Bugelli  -  26/04/2013 08:48

Fl-elezzjonijiet każwali li kellna din il-ġimgħa ġew eletti 3 membri ġodda fil-Parlament Ewropew -Marlene Mizzi, Claudette Abela Baldacchino u Roberta Metsola. Dawn ser jieħdu post l-MEPs li kellhom iċedu posthom wara li ġew eletti fil-Parlament Malti f'Marzu. Jiġifieri, filli ma kellna ebda mara tirrapreżentana f'din l-istituzzjoni, u filli għandna 3 minn 6 membri Maltin li huma nisa, jiġifieri 50%. Jista' jkun li jkun hemm min jgħid, "u b'daqshekk"? Iżda meta tqis li għadna lura ħafna, bħala pajjiż, fin-numru ta' nisa f'pożizzjonijiet u rwoli ta' ċerta responsabilità, dan ir-riżultat jieħu sinifikat akbar. Minn pajjiż li konna l-aħħar fejn tidħol gradwatorja ta' parteċipazzjoni femminili fil-Parlament Ewropew, issa ġejna t-tieni wara l-Finlandja.

Din is-sitwazzjoni tagħti rilevanza iktar qawwija hawnhekk f'Malta lill-proposta li mexxiet 'il quddiem il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Viviane Reding, jiġifieri li jkun hemm inizjattivi biex jintlaħaq iktar bilanċ bejn irġiel u nisa, inkluż fuq il-bordijiet ta' kumpaniji pubbliċi jew privati kbar.

Skont stħarriġ li kien sar fl-2011,  88% fl-Ewropa jaħsbu li f'pożizzjonijiet għolja fl-intrapriżi, in-nisa għandu jkollhom rappreżentanza daqs l-irġiel. Bir-rata ta' progress li għaddejjin biha biex jintlaħaq dan il-bilanċ, ser nieħdu aktar minn 40 sena! U kien proprju għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea, f'Novembru li għaddha, ipproponiet li l-pajjiżi tal-UE għandhom idaħħlu regoli li jirrikjedu li mill-inqas 40% tal-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet tal-intrapriżi pubbliċi (mhux intrapriżi żghar u medji (SMEs)) għandhom ikunu nisa (jew irġiel jekk l-iżbilanċ ikun bil-kontra!). Il-ħsieb wara l-proposta hu li l-pajjiżi jkollhom regoli li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs.

Ir-riżultat miksub mit-tliet MEPs nisa Maltin jista' jkun xprun f'waqtu biex inkomplu nippromwovu kemm jista' jkun il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja – mit-tmexxija tal-pajjiż sad-dar! Forsi huwa indikatur sabiħ, illi anki fil-Parlament Malti, illum għandna l-akbar numru ta' nisa li qatt kellna, allavolja wieħed jista' jqis li 10 minn 69 xorta huwa 'il bogħod ħafna milli jkun biżżejjed. F'kull ċirkostanza, il-bilanċ jista' jieħu forom differenti. L-importanti hu li nkunu qegħdin nieħdu l-massimu ta' dak li kull wieħed u waħda minna għandu jew għandha x'tagħti, mingħajr ma nqisu jekk hux raġel jew mara, jekk hux abjad jew iswed, twil jew qasir, jew kwalunkwe distinzjoni artifiċjali oħra li ma jkollha x'taqsam xejn mar-responbsabilitajiet li jkunu mistennija mill-persuna involuta.

Nieħu l-okkażjoni ukoll biex nifraħ lit-tliet MEPs ġodda u nawguralhom il-ħidma t-tajba!

 

Martin Bugelli

Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta