Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Puttinu Cares

Sina  Bugeja  -  07/05/2013 08:47

Mill-Ġimgħa 3 sal-Ħadd 5 ta’ Mejju kellna l-maratona tal-football b’risq Puttinu Cares. Attivita waħda partkulari fost ħafna li jsiru. Bħas-soltu inġabru l-flus u dawn imorru sabiex jitkomplew l-proġettii li din il-Fondazzjoni daħlet għalihom.  Proġetti daqshekk kbar u ta’ utilita għal persuni fil-bżonn.

Il-Fondazzjoni bdiet bħala inizjattiva sabiex tgħin lil tfal li jkollhom bżonn isiefru sabiex jieħdu t-trattament għal kanċer, imma llum din il-Fondazzjoni tgħin li kull min isib ruħu f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ diffikulta u spejjes kbar meta jkollhom bżonn isiefru sabiex jieħdu t-trattament minn sptarijiet fl-Ingilterra.

Jittellgħu ħafna inizjattivi u kollha jiġbdu ħafna nies għax l-organizzaturi kapaċi jtellgħu attivitajiet li jħobbu n-nies u jafu jagħtu gost ukoll. U n-nies jattendu bi ħġarhom u jħallu l-qliegħ: dejjem biex jinħalaq l-għan prinċipali. Imma li jimpressjonani huwa l-fatt li ħafna minn nies li jgħatu sehemhom jagħtu ħinhom għall-din l-attivita mingħajr ma jistennew qliegħ u jagħtu qalbhom għal dawn l-pazjenti. Ħafna huma professjonisti fis-Settur tas-Saħħa u b’dan imorru ferm lill’hinn mid-doveri ta’ kuljum tagħhom. Kollox bi tbissima u mill-qalb. Nies mħabbta u bieżla ħafna imma xorta jsibu ħin biex joffru kull tip ta’ għajnuna skond il-bżonn.

Kemm hu sabiħ il-volontarjat ... meta nħares madwari nara kemm hawn min gawda mix-xogħol ta’ l-għaqdiet volontarji. Il-fatt li daħal ukoll l-Univerista għall-istudenti fi credits apposta jkompli juri kif nazzjonalment qed isir apprezzament kbir biex kemm jista jkun kull min jista joffri ftit ħin, dan jagħmlu. Min iduq il-volontarjat ma jitilqux malajr għax is-sodisfazzjon li jagħtik huwa kbir u ma tantx issibu f’affarijiet oħra. Kieku kellna nagħmlu prezz fuq ix-xogħol kollu li jsir żgur titla somma kbira imma l-ħsieb li tagħmel valur monetarju fuq ix-xogħol volontarju kważi huwa vulgarita. Min hu nvolut jagħmel dan għax iħoss li jista jgħin u l-valur monetarju ma jidħolx.

Tajjeb li naħsbu ftit ukoll mhux biss f’min qed jirċevi imma f’dawk li qed jgħatu għax fil-verita qed jieħdu ħafna ukoll. Meta nidraw minn żgħar jimpurtana minn ħaddieħor allura s-sens ta’ solidarjeta u s-sens ta’ kommunita jikber u nieħdu ħsieb xulxin aktar. Kultant ngħidu li illum is-sens ta’ solidarjeta naqas ħafna imma mbagħad jiġi xi weekend bħal dan u naraw li għadu qawwi ħafna u sod.

F’isem il-poplu kollu nixtieq nirringrazzja lil kull min ħa sehem u lil kull min ta’ xi donazzjoni jew oħra u nħeġġeġ lil min ma kellux ċans biex ma jħallix din l-okkazzjoni tgħaddi mingħajr ma jkun ta sehmu. Kemm il-BOV u l-HSBC għandhom kont apposta biex jilqa d-donazzjonijiet. Tikkonfondix jekk ma tistax tgħati ħafna ... kull qatra tgħodd. 

 

Sina Bugeja

Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali