Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Il-Knisja u l-politika ambjentali

Kummissjoni Ambjent  -  17/11/2016 15:51

Kien biss fis-snin disgħin li l-manifesti elettorali tal-partiti politiċi ta’ pajjiżna bdew jirreferu għall-“ambjent” fil-wegħdiet tagħhom. Issa kemm dawn il-wegħdiet kienu fiergħa jew le hi storja oħra. Li m’hemmx dubju dwaru hu l-fatt li l-ambjent u (allura) l-kwalità tal-ħajja tagħna jsofru b’riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi ħżiena. Matul is-snin, pajjiżna tilef ħafna mill-wirt naturali, storiku u soċjali tiegħu minħabba politika żbaljata. U, ejja nkunu onesti magħna infusna, l-ebda amministrazzjoni li ġarrabna ma tista’ tippoża ta’ xi paladin ambjentali … għax lkoll poġġew prioritajiet oħra (ħafna drabi purament ekonomiċi) qabel il-ġid komuni veru u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin.

L-ironija ta’ dan kollu hi li meta wieħed jifli l-battibekk politiku dwar xi kontroversja politika li tikkonċerna l-ambjent, iż-żewġ naħat jippruvaw jgħattu l-iżbalji rispettivi tagħhom billi jikxfu l-iskandli ambjentali ta’ xulxin. U t-traġedja f’dan kollu hi li għadek issib lil min jippreferi jkun il-mitiku anġlu tal-vara: kuntent jibla’ (u jagħmel tiegħu) dawn id-diskorsi mingħajr ma jinduna li qed jippromwovi l-istess raġunar li qed inaqqaslu mill-kwalità ta’ ħajtu.

Min verament għandu għal qalbu l-ambjent ma jistax ma jkunx politiku, jiġifieri li jaħdem b’mod attiv biex ikun żgurat il-ġid komuni. Imma b’xorti ħażina matul is-snin willejna wisq mir-risponsabbiltajiet politiċi tagħna, li missirijietna tant iġġieldu biex kisbu, f’idejn il-politiċi tagħna. Jeħtieġ li nxettlu kultura li fiha leħen iċ-ċittadin mhux biss jinstema’ imma jingħata widen … għax minn dak li rajna (kien min kien fil-gvern) hemm xi wħud li għandhom il-widen politiku aktar minn oħrajn li jinsabu ’l isfel fil-piramida tal-poter.

Għalhekk jeħtieġ li nrawmu ċittadini li, filwaqt li jkunu politiċi, ma jkunux partiġġani – jiġifieri ċittadini li jiflu b’mod kritiku dak li qed isir u jieħdu deċiżjonijiet oġġettivi u mhux jemmnu li jagħmel x’jagħmel il-partit tagħhom hu tajjeb.

U l-Knisja tibqa’ siekta? Jekk bi Knisja wieħed jifhem komunità ta’ kull min jemmen fi Kristu Rxoxt, allura, jekk ma titkellimx hi, min tridu jitkellem? Fl-Enċiklika tiegħu Laudato Sì, il-Papa Franġisku ma tantx tana għażla. Il-Knisja ma tistax tibqa’ gallarija quddiem l-isfreġi li qed isiru fid-dar komuni tagħna … u dawk kollha li jgħammru fiha. Madankollu, huwa importanti li l-Knisja ma tkunx partiġġana, u li tagħti xhieda, mhux bil-paroli biss, imma bl-azzjonijiet (kultant skomdi) li jkollha tieħu.

Dan il-ħsieb idarras lil xi wħud li jippretendu li l-Knisja għandha tibqa’ siekta minħabba d-dnubiet ambjentali tagħha. Filwaqt li m’għandniex niskużaw l-ebda dnub (għamlu min għamlu), min-naħa l-oħra, allaħares kull min hu bla ħtija ambjentali biss jista’ jitkellem. Kieku kien hekk, kieku hawn kwiet taqtgħu b’sikkina…speċjalment fil-parlament.