Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Importanti tgħidli x’taħseb … imbasta taqbel miegħi!

Kummissjoni Ambjent  -  18/12/2016 10:45

Illum tista’ tgħid li saret moda li qabel xi proġett jew bidla kbira jkun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika; jiġifieri żmien li matulu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċans li jagħti l-opinjoni u jsemma’ l-preokupazzjonijiet tiegħu (ilmenti jew kumplimenti) dwar dak li jkun sa jsir. Dan hu pass pożittiv ħafna għax permezz tiegħu jitwessa’ ċ-ċirku ta’ min jieħu d-deċiżjonijieti u jingħata widen għall-bżonnijiet tal-poplu. Din il-konsultazzjoni tieħu importanza akbar meta t-tibdil propost ikun tali li jkun sa jġib tibdiliet kbar fuq is-soċjetà u l-kwalità tal-ħajja tagħha.

Min għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet għandu jħares lejn il-konsultazzjoni pubblika bħala opportunità biex iservi bl-aħjar mod lill-poplu li qed jirrappreżenta. Imma l-ħasra hi li, xi drabi, din il-konsultazzjoni aktar titqies bħala tfixkil tal-pjanijiet u telf ta’ zmien milli opportunità biex ittejjibhom. Għalhekk spiss naraw l-użu ta’ tattiċi li jimminaw dan il-proċess b’mod sottili. Fost dawn hemm:

(i)    dokumenti ta’ konsultazzjoni voluminużi u miktuba b’linġwaġġ tekniku intenzjonati li jaqtgħu qalb lil min jixtieq jaqrahom u jikkummenta fuqhom;

(ii)   dokumenti li ma jagħtux stampa onesta tal-impatt u l-implikazzjonijiet tal-proġett propost billi jonfħu l-benefiċċji u jimminimizzaw l-aspetti negattivi tal-istess proġett;

(iii) proposti għal inizjattivi akbar milli jkun meħtieġ (speċjalment f’każijiet ta’ progetti kontroversjali) … ħalli wara jitneħħew jew jinbidlu biex taparsi leħen il-poplu instema’;

(iv) attentati sabiex jitnisslu dubji fuq l-integrità ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jikkritikaw l-proġett; u

(v)   tnedija tal-perjodu ta’ konsultazzjoni li jaħbat ma’ żmien il-festi jew il-vaganzi meta ċ-ċittadini jkunu moħħhom okkupat b’affarijiet oħra u li spiss ikun qasir.

Ħa nkunu ċari, dawn it-tattiċi ntużaw minn kull amministrazzjoni li kellna – kemm dik Nazzjonalista u kemm dik Laburista. Prova ta’ dan huma d-diversi stqarrijiet li l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ippubblikat mill-2003 ’l hawn. Mhu veru xejn li l-Kummissjoni “ISSA” qed tikkritika proġetti proposti. Il-Kummissjoni tistieden lis-San Tumasijiet kollha sabiex jivverifikaw dan billi jfittxu u JAQRAW il-madwar 50 stqarrija li ħarġet matul dawn l-aħħar tlettax-il sena. Tul dawn is-snin, l-operat tal-Kummissjoni baqa’ DEJJEM l-istess.

Li normalment tinbidel hi r-reazzjoni ta’ min jagħżel li ma jarax ir-raġuni, imma li jinterpreta kollox b’nuċċali aħmar jew blu. Madanakollu l-iscript baqa’ l-istess, jiġifieri: minn ikun kontra l-Gvern tal-ġurnata jfaħħar il-kritika tal-Kummissjoni u min ikun favur il-Gvern isostni li l-KA qed tirkeb il-karru tal-Oppożizzjoni.

Hemm bżonn urġenti ta’ proċess edukattiv għall-adulti sabiex dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi jitnaddfu minn interessi egoistiċi u partiġġani, u jsiru verament strumenti f’idejn min irid imexxi ħalli naħdmu għall-ġid komuni veru.