Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Il-proċedura tar-ritrattazzjoni

Dr Ramon  Bonett Sladden  -  19/12/2016 21:30

Nhar it-12 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Appell (Inferjuri) ppreseduta mill-Onor. Imħallef Anthony Ellul, iddeċidiet dwar talba ta’ ritrattazzjoni li saret fil-kawża fl-ismijiet David Youngman vs. L-Awtorità tal-Ippjanar et.

Fit-12 t’April 2016, ir-rikorrenti Francis X. Tabone ppreżenta rikors fejn talab il-Qorti tal-Appell sabiex tħassar u tirrevoka s-sentenza ta’ din l-istess qorti. Ir-rikors tiegħu kien ibbażat fuq l-Artikolu 811(k) tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u l-Proċedura Ċivili, liema Artikolu jippermetti ritrattazzjoni jekk wara s-sentenza jkun instab xi dokument deċiżiv li l-parti li ġabitu ma kinitx taf bih jew ma setgħetx iġġibu bil-mezzi li tipprovdi l-liġi qabel tkun ingħatat is-sentenza. David Youngman oppona għal din it-talba.

L-istorja tal-każ kienet din:

Fl-2009, Youngman kien appella quddiem il-Bord tal-Appell bħala terz interessat (interested third party) wara li l-Awtorità kienet approvat permess favur Francis X. Tabone għal xi bidliet f’binja fl-Għasri, Għawdex. Fl-2012, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell ta’ Youngman u rrevoka l-permess li kien inħareġ lil Tabone. Iktar tard fl-2012, Tabone appella quddiem il-Qorti tal-Appell li laqgħet l-appell tiegħu, irrevokat id-deċiżjoni tat-Tribunal u bagħtet l-atti lura lit-Tribunal sabiex jerġa’ jiddeċiedi l-appell wara li jikkonsidra dak l-aggravju ta’ Tabone li ma kienx ġie indirizzat mit-Tribunal. Dan l-aggravju kien li t-Tribunal kien injora għal kollox sottomissjoni partikolari ta’ Tabone li kienet partikolarment importanti.

Fl-2015, it-Tribunal ċaħad l-appell ta’ Youngman u kkonferma l-ħruġ tal-permess lil Tabone. Aktar tard dik is-sena stess, Youngman appella quddiem il-Qorti tal-Appell. Fi Frar tal-2016, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell ta’ Youngman u reġgħet bagħtet l-atti lura lit-Tribunal biex jerġa’ jiddeċiedi l-appell mill-ġdid.

It-talba għal ritrattazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li kieku l-Qorti tal-Appell rat mhux biss il-file tal-Awtorità li minnu ħareġ il-permess kontestat iżda wkoll file eqdem, hija kien ikollha quddiemha l-materjal kollu li kellha quddiemha l-Awtorità u t-Tribunal meta dawn ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom. Tabone talab ritrattazzjoni sabiex jaċċerta ruħu li l-Qorti tal-Appell ikollha anki dak il-file eqdem tal-Awtorità u b’hekk tkun tista’ tiddeċiedi abbażi ta’ informazzjoni sħiħa.

Il-pilastru ewlieni li fuqu strieħet l-oppożizzjoni ta’ Youngman għat-talba ta’ ritrattazzjoni kien li Tabone kien talab li l-file eqdem jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Appell u din it-talba kienet ġiet miċħuda. Dan ifisser li ma setax juża l-Artikolu 811(k) biex jallega n-nuqqas ta’ xi dokument deċiżiv li ma kienx jaf bih qabel.

Hawn, il-Qorti tal-Appell ikkwotat korp sostanzjali ta’ ġurisprudenza sabiex tenfasizza li r-rimedju tar-ritrattazzjoni huwa wieħed straordinarju għall-aħħar u wieħed li għandu jiġi ttrattat b’mod strett.

Il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li l-liġi tuża l-kelma “jinsab” u li din il-kelma, meta mittieħda fil-kuntest tal-liġi, tindika li l-Artikolu 811(k) jista’ jintuża meta wara li tkun ingħatat is-sentenza f’xi kawża, jinstab xi dokument deċiżiv. Il-Qorti osservat li dan neċessarjament ifisser li biex dan id-dokument jinstab, ifisser li aktarx ħadd ma kien jaf bih jew li ħadd ma kien jaf fejn qiegħed. Il-Qorti qalet li dan kien konfermat mill-Artikolu 818 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li tistabbilixxi perjodu ta’ tlett xhur minn meta jinstab dan id-dokument biex wieħed jitlob ritrattazzjoni abbażi tal-Artikolu 811(k). Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ sejbien ta’ xi dokument, il-partijiet kollha kienu jafu bl-eżistenza u l-kontenut tal-file l-antik tant li Tabone stess kien irrefera għalih fi proċeduri fil-bidu nett tal-każ. Għalhekk, dan ma kienx każ li wara li ngħatat sentenza, instab xi dokument relevanti.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li r-rekwiżiti tal-Artikolu 811(k) ma kinux sodisfatti u ċaħdet it-talba għal ritrattazzjoni.