Newsbook

Free - On Google Play

View
Il-Knisja twieġeb għall-akkużi foloz tal-Orizzont   |  Jaqa' waqt li kien qed jaħdem fuq bejt   |  “L-immigranti għandhom dritt għal ħajja stabbli”   |   "M'aħniex edukati fid-diversità"   |  Tmut it-tarbija li ttajret bil-pram b'kollox f'Melbourne

L-akbar test tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill... fil-Parlament Ewropew

Peter Agius  -  22/12/2016 14:33

Is-sena l-ġdida se ġġib magħha okkażjoni storika għal pajjiżna. Għall-ewwel darba mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea fl-2004 Malta se jkollha t-tmun tal-Kunsill tal-Ministri.Wara li bħala poplu gawdejna daqstant mill-Unjoni issa wasal il-mument li nagħtu lura wkoll. Malta ser tkun qegħda tagħti spinta lill-Unjoni fl-isfidi ewlenin tagħha u tagħna.Il-Presidenza titmexxa u tiġi ġġudikata speċjalment fuq numru ta’ avvenimenti ewlenin. Hawn ser naqsam mal-qarreja ta’ Newsbook.com.mt ftit linji dwar dawn l-appuntamenti ewlenin.

 

Id-diskors tal-Prim Ministru fil-Plenarja

Il-ftuħ politiku veru tal-Presidenza huwa id-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fit-18 ta’ Jannar. F’dan id-diskors il-Prim Ministru ser jippreżenta l-programm u l-ambizzjoni ta’ Malta bħala Presidenza tal-Kunsill Ewropew.  Wara d-diskors ikun hemm skambju ta’ veduti mal-MEPs dwar il-programm Malti, b’ emfasi fuq l-objettivi u l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Ser ikun hemm fattur li jikkundizzjoni parti minn din it-taħdita – u ċioe l-proċess tal-Brexit, fejn il-Parlament Ewropew mistenni jinsisti mal-Prim Ministru għal proċess aktar demokratiku, li jinvolvi l-istess Parlament Ewropew, dwar l-iffurmar tal-pożizzjoni tal-Unjoni vis-a-vis ir-Renju Unit.

 

Is-seduti tal-Ministri fil-Kumitati tal-Parlament Ewropew

Sabiex tagħlaq in-negozjati fuq oqsma differenti fejn tkun qed tinnegozja liġijiet ġodda tal-Unjoni, l-Presidenza teħtieġ li taħdem u tikkonvinċi lill-Parlament Ewropew li f’ 90% tal-oqsma ta’ kompetenzi tal-Unjoni jkollu poter leġislattiv flimkien mal-Presidenza. Jeħtieġ għaldaqstant li l-Presidenza taħdem mill-qrib mal-MEPs.

Il-Parlament Ewropew jipprovdi ċ-ċirkostanza għal appuntamenti mill-aktar importanti f’ dan id-djalogu. Dawn huma s-seduti ta’ smiegħ u diskussjoni bejn il-Ministru jew ministri tal-gvern inkarigati mill-Presidenza quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal dak il-qasam. F’ dawn is-seduti l-Ministri jippreżentaw il-programm tal-gvern f’ dak il-qasam iżda wara jipparteċipaw ukoll fi skambju ta’ veduti fejn il-Membri tal-Parlament Ewropew jitolbu risposti jew kjarifika dwar aspetti partikolari ta’ dak il-programm.

Biex nagħtu eżempju fit-12 ta’ Jannar nistennew is-seduta tal-Ministru Carmelo Abela fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew li jittratta l-Intern u l-Immigrazzjoni. F’ dik is-seduta Abela jirrispondi għad-domandi tal-MEPs dwar kif Malta ser tikseb riżultati aktar konkreti fil-qasam tal-immigrazzjoni.

Nistennew 17 minn dawn is-seduti mit-12 sal-aħħar ta’ Jannar, fil-binja tal-Parlament Ewropew fi Brussell.

 

Il-Plenarja

L-appuntament li jiġbor l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huwa s-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew li issir darba fix-xahar fi Strasburgu u drabi oħra fi Brussell. B’kollox ser ikun hemm 11-il-plenarja tul il-Presidenza Maltija. Din tiġbor lill-MEPs kollha, kif ukoll il-Kummissarji Ewropej, sabiex jirrispondu għad-domandi tal-MEPs. Jipparteċipaw ukoll l-Ministri u l-uffiċjali tal-Presidenza, li jeħtieġ titkellem f’ isem il-Kunsill u tipparteċipa fid-dibattitu ewlieni tal-Plenarja.

Dawn id-dibattiti jkunu jirriflettu l-attwalitá tal-Unjoni, ġeneralment ikunu iffukati fuq temi u żviluppi kurrenti fl-Unjoni jew barra. Huma fora fejn ikun hemm attenzjoni kbira minn gruppi ta’ interess u mid-dinja tal-media. Il-Parlament Ewropew irid ikun il-vuċi tal-Popli Ewropej u jara li kull tema li taffettwa lin-nies tiġi diskussa f’ kuntest miftuħ fejn joħorġu l-perspettivi differenti u finalment is-soluzzjonijiet possibbli. Il-Presidenza tipparteċipa bl-ideat waqt li turi t-tmexxija tagħha fil-qasam in kwistjoni fost l-Istati Membri fil-Kunsill.

 

In-negozjati informali mal-Parlament Ewropew

Minbarra l-fuq minn mitt appuntament ewlieni għall-Presidenza ta’ Malta, ser ikun hemm diversi appuntamenti oħra li huma kruċjali daqshom iżda li ġeneralment ftit li xejn jidhru minn barra. Dawn huma l-appuntamenti tan-negozjaturi tal-Presidenza fi ħdan il-Kunsill mal-Parlament Ewropew fl-hekk imsejħa trijalogi informali.

Huwa ġeneralment f’ dawn il-kmamar mingħajr kameras fejn il-Presidenza trid itterraq dawk il-passi żgħar li wieħed wara l-ieħor iwassluha sabiex twassal lill-Unjoni għal pass ieħor il-quddiem lejn it-tgawdija taċ-ċittadini permezz ta’ kisbiet konkreti, normalment fil-forma ta’ liġijiet ġodda li japplikaw fit-28 Pajjiż tal-Unjoni.

Segwi l-ħidma tal-Parlament Ewropew permezz tal-pagna www.facebook.com/parlamentewropew


Dr Peter Agius

Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew