Newsbook

Free - On Google Play

View
Il-Knisja twieġeb għall-akkużi foloz tal-Orizzont   |  Jaqa' waqt li kien qed jaħdem fuq bejt   |  “L-immigranti għandhom dritt għal ħajja stabbli”   |   "M'aħniex edukati fid-diversità"   |  Tmut it-tarbija li ttajret bil-pram b'kollox f'Melbourne

Il-qniepen tal-Milied

Dun Brendan M. Gatt  -  23/12/2016 22:02

Il-poeta Amerikan Henry Wadsworth Longfellow (1807-1882) għex fi zmien ta’ taqlib u dlam kbir. Fuq livell soċjali dan it-taqlib deher b’mod qawwi fil-Gwerra Ċivili tal-Istati Uniti. Fuq livell personali Longfellow ukoll għex it-tbatija minħabba t-telfa ta’ persuni għeżież għalih, fosthom martu Frances li mietet fl-1861 wara li nħarqet f’inċident li fih hu wkoll spiċċa miġruh b’mod gravi wara li prova jsalvaha.

Fil-Milied tal-1863, wara li sar jaf bil-feriment serju ta’ ibnu li kien qed jiġġieled bħala Logutenent fil-Gwerra Ċivili, Longfellow kiteb il-poeżija Christmas Bells, li titkellem dwar id-diffikultajiet li wieħed isib biex jara l-messaġġ ferrieħi tal-Milied iseħħ fid-dawl (ċioe fid-dlam, iktar) tat-tbatija tal-ħajja u n-nuqqas ta’ paċi li hawn madwarna.

L-ewwel vrus ifakkruna fis-sentiment pożittiv li normalment nassoċjaw mal-Milied u ma’ dawn iż-żminijiet:

I heard the bells on Christmas Day

Their old, familiar carols play,

and wild and sweet

The words repeat

Of peace on earth, good-will to men!

Iżda malajr dan il-messaġġ jiġi wiċċ imb’wiċċ mar-realtà spiss kerha li ħafna fostna jinsabu fiha, hekk li l-poeta jagħti leħen lill-weġgħat ta’ qalbu meta jikteb:

And in despair I bowed my head;

"There is no peace on earth," I said;

"For hate is strong,

And mocks the song

Of peace on earth, good-will to men!"

Madankollu Longfellow ma jħallix id-disprament jirbħu. Il-qniepen idoqqu l-ferħ tal-Milied lilu wkoll jixegħlulu t-tama f’qalbu u jfakkruh li Alla la miet u l-anqas raqad. Ifakkruh li l-pjan ta’ Alla ta’ sliem fl-art lill-bnedmin maħbuba minnU, imħabbar mill-anġli fl-ewwel Milied, għad irid iseħħ:

Then pealed the bells more loud and deep:

"God is not dead, nor doth He sleep;

The Wrong shall fail,

The Right prevail,

With peace on earth, good-will to men."

Aħna wkoll, avolja ninsabu ‘il fuq minn 150 sena minn dik il-poeżija u nofs dinja ‘l bogħod mill-Istati Uniti fejn hija nibtet, faċilment insibuna fl-istess ċirkustanzi u għaldaqstant bl-istess sentimenti. Inħarsu madwarna u naraw taqlib u dlam, kemm fuq livell soċjali (gwerer u terroriżmu u ċ-ċaqliq tal-popli li dawn iġibu magħhom, faqar, korruzzjoni u l-qerda bla rażan tal-ambjent naturali) u kif ukoll fuq livell personali. F’din l-aħħar kategorija nistieden lill-qarrejja jdaħħlu huma stess in-niket personali tagħhom: forsi t-telfa ta’ xi persuna għażiża, jew xi marda li qed insofru aħna jew xi ħadd qrib tagħna; forsi l-biża’ għall-ġejjieni minħabba xi ċirkustanza diffiċli; forsi l-esperjenza tal-faqar jew is-solitudni.

Huma x’inhuma, dawn it-tbatijiet u dawn l-esperjenzi ta’ dlam faċilment jagħtuna l-impressjoni li l-Milied ma jgħoddx għalina. Jekk inħarsu lejn il-katalgi sbieħ li nirċievu mingħand il-ħwienet għal daż-żmien tas-sena, u jekk naraw ir-riklami fuq il-magazines, il-gazzetti u t-televiżjoni, malajr naħsbu li biex tiċċelebra l-Milied irid ikollok kont tal-bank mimli, saħħa eċċellenti u familja perfetta, kulħadd miġbur madwar il-mejda tal-ikel b’xi dundjan enormi u b’siġra tal-Milied m’ogħla hawn tpetpet fil-background.

Ir-realtà hija ferm differenti: il-Milied (imma dak ta’ veru) seħħ proprju għal dawk li għaddejjin mid-dlam u n-niket. Bħalma darba qal il-Mulej Ġesù, it-tabib jeħtiġuh il-morda, mhux dawk li huma f’saħħithom. Bħalma tfakkarna dik il-profezija ta’ Isaija li nisimgħu fil-quddiesa ta’ nofs il-lejl tal-Milied: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom.”

Il-Milied kull sena jrid ifakkarna f’dak Alla li tant ħabb lill-bnedmin li ma ħamilx jarahom jintilfu, iżda bagħtilhom lil Ibnu stess biex ikun għalihom dawl fid-dlam, preżenza ħajja ta’ Alla nnifsu li jgħammar fosthom bħala mexxej, qaddej u feddej.

Meta nifhmu l-messaġġ veru tal-Milied u allura nindunaw li t-tiżjin huwa biss xi ħaġa sekondarja (għalkemm sabiħa), nintebħu wkoll li l-Milied jgħodd għalina lkoll, sew jekk kellna 2016 sabiħ, u sew jekk kellna sena li nixtiequ ninsewha mill-aktar fis. Nistgħu nħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ u tama, għax bħalma fehem poeta Amerikan fl-1863, Alla tagħna la miet u l-anqas raqad. 

Nixtieq Milied qaddis lilkom u lill-għeżież tagħkom.