Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Tgħid l-2017 se tkun is-sena tal-elezzjoni?

Jesmond  Saliba  -  28/12/2016 17:31

Jekk din is-sena ma’ kellniex elezzjonijiet biex pajjiżna jirritorna għall-element ta’ normalità, l-2016 għalmitna li n-normalità f’pajjiżna hija li l-klima politika trid tiddomina kemm jista’ jkun u fejn hu possibli tkun waħda li tbaqbaq. Fost it-tbaqbiq li qed ikollna qed nassistu għal eradikazzjoni ta’ kwalita’, klassi u rispett mhux biss lejn xulxin u lejn l-hekk msejjaħ l-avversarju politiku imma wkoll lejn iċ-ċittadin. Id-diskussjoni spiss tispiċċa fuq il-personali, u inqas fuq l-kwistjoni. Spiss nisimgħu u naqraw dwar tgħajjir  u inqas naqraw djalogi.

Forsi hija n-nostalġija, forsi hija l-età, però mingħajr dubju l-affarijiet inbidlu mill-imgħoddi, b’mod li jekk l-2017 ser tkun is-sena tal-elezzjoni, nistennew żieda fid-doża tat-tgħajjir, l-intimidazzjoni għal min ilissen opinjoni u vjolenza verbali u psikoloġika għal min jażżarda jispiċċa fil-mira ta’ min iħoss li għandu jbiċċer lil dak (jew dik) sempliċiment fuq differenza ta’ ħsieb, differenza ta’ opinjoni jew għax tlissen il-verità.

Il-verità, kos hux. Dak li qabel kien jingħad fl-aħbarijiet kien meqjus bħala verità. Imma llum anke l-verità hija mhedda. Hawn min jgħid li qed ngħix fil-‘post-truth era’. Imma x’inhi din il-post truth era, din hija era fejn hemm verità, li hija verità, u hemm il-verità maħluqa. Qabel konna nipprovaw niddistingwu l-fatti mill-opinjonijiet. Illum irridu nisfurzaw niddinstingwu bejn fatti u fatti taparsi. Imma tgħidli mhux gideb jibqa'. Imma qisna ninsabu f’fażi fejn f’moħħna għandna konklużjonijiet, u naslu biss li nifhmu u naqraw dawk il-biċċiet li jagħmlu sens għall-immaġini f’moħħna. Il-mument li xi ħadd jgħid xi ħaġa li ma’ tagħmilx sens għall-immaġini li għandna f’moħħna għal dak li naħsbu li hi il-verita skont aħna, allura erħilna nbiċċru dik l-aħbar, u agħar minn hekk il-messaġġier, bħal li kieku huwa parti minn xibka ikbar kontrina.

Rajna dawn ir-realtajiet fl-Ingilterra, fl-Amerika, fl-Italja u nistennew iktar minnhom fil-Ġermanja u Franza. U hawn Malta?

Ejja nieqfu u naħsbu ftit. Kemm hawn minna li jittrattaw dak li jinqraw minn fuq il-mezzi soċjali bħala ‘FATT’. Rajnieha fl-aħħar jiem, fejn ħafna lissnu l-opinjonijiet tagħhom u l-ħsibijet tagħhom dwar il-ħtif tal-ajruplan skont x’jaħsbu, skont xi stennew u skont xi qraw minn għadd ta’ opinjonisti u ‘esperti’. It-teoriji ma’ naqsux. Daqs kemm ma naqsux il-ħolqien ta’ psewdo aħbarijiet li lissnu dubji fuq li ġara.

U bħal dlonk, dak li jiġri barra minn Malta, qed iseħħ pajjiżna. Għax ma aħniex differenti minn ħaddieħor. Żomm forsi aħna ftit differenti, nafu nkunu ‘solidali’ nafu nuru solidarjetà. Jalla l-ispirtu ta’ solidarjetà ma jintesiex ma’ tmiem dan il-perjodu. Jalla li l-awgurji li qsamna ma’ xulxin kienu ġenwini, iktar minn ipokriti. Jalla dak li ngħidu, ngħixuh biex l-2017 tkun sena tajba, irrispettivament jkollniex elezzjoni jew le.