Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-Gvern se jagħti 7 biljun litru ilma fis-sena lill-bdiewa u lukandi" - Joseph Muscat   |  “Il-Gvern irid jagħmel profitt anke mill-mewt” – Simon Busuttil

Kemm nixtieq ninbidel … imma nibqa’ l-istess!

Kummissjoni Ambjent  -  10/01/2017 18:50

Kultant nistagħġbu kemm pajjiżi oħra huma edukati jew dwar kemm iżommu pajjiżhom nadif jew dwar kemm huma ordnati fis-sewqan. X’iżommna milli nikkupjaw dawn l-affarijiet pożittivi? Jekk wieħed jifli ftit il-mod kif inġibu ruħna, jidher ċar li minkejja li hemm ħafna affarijiet li nieħdu l-ewwel biex ingemgmu dwarhom, fl-aħħar mill-aħħar ftit ikollna ħajra li nbiddlu l-istil ta’ ħajja li drajna fih. 

Issa drajna l-mod kif pajjiżna jipprova jsolvi l-problemi tiegħu – speċjalment dawk ambjentali. Nibdew biex nidentifikaw il-problema u naħtru konsulent jew grupp ta’ konsulenti biex jistudjaw is-sitwazzjoni. Wara jitħejja rapport b’dak li għandu jsir biex tissolva l-problema. Imma ħafna drabi ftit (jew xejn) minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet ikunu implementati … għax l-ebda gvern ma jrid inaffar lill-poplu jew jirfes xi kallu importanti.

Jannar hu żmien li fih ħafna jagħmlu l-proponimenti għas-sena l-ġdida. Jekk temminx fil-proponimenti jew le hi biċċa tiegħek. Madanakollu, min iħares ftit lejn ħajtu u jara x’hemm li sejjer tajjeb u x’hemm li mhux, u mbagħad ifassal pjan dwar kif isaħħaħ dak li hu tajjeb u jwarrab dak li hu ħażin, ikun qed juri sinjal kbir ta’ maturità. Din hi l-attitudni li tgħinna ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna u ta’ kull min imiss magħna.

Imma ħafna drabi filwaqt li l-ispirtu jkun irid, il-ġisem ikun dgħajjef. Filwaqt li jkollna xewqa kbira li ninbidlu, din ma tkunx qawwija biżżejjed biex toħroġna mill-kumdità li nkunu drajna fiha. Biex persuna tibdel għemilha jeħtiġilha tkun trid bil-qawwa kollha li tinbidel. B’hekk biss isiru bidliet sinifikanti, bħal meta persuna tieqaf mit-tipjip jew mid-droga wara snin ta’ jasar. L-aktar ingredjent importanti biex isseħħ bidla ta’ vera hi r-rieda qawwija li ninbidlu.

Min-naħa l-oħra, hemm affarijiet oħra li jdgħajfu r-rieda tagħna li ninbidlu għall-aħjar, u jħajruna nibqgħu kif konna (l-istatus quo).

Qatt fl-istorja tal-bniedem ma konna bbumbardjati bl-informazzjoni daqs fi żmienna. Madanakollu, x’jiswieli jekk inkun miftuħ biss għal dak li nieħu pjaċir (jew jaqbilli) nisma’? Il-pluraliżmu fix-xandir xi jfisser? Opportunità li nisma’ l-propaganda tal-partit tiegħi jew li nisma’ qniepen differenti ħalli nkun nista’ nifforma opinjoni?

Fenomenu ieħor huma l-programmi hekk imsejħa ta’ diskussjoni li nfettaw l-istazzjoniiet tagħna. F’dan il-każ l-iskop principali spiss ikun li nagħtu spettaklu u/jew nimlew il-ħin minflok nesploraw d-dimensjonijiet differenti tal-kwistjoni magħżula. Mhux kull min hu kapaċi jparla (u kultant jitpastas) bla ma jistħi quddiem il-kamera jew il-mikrofonu hu tajjeb għal programmi bħal dawn. Fi programmi hekk imsejħa edukattivi, mhux KULL opinjoni tgħodd. Hija opinjoni infurmata, iffurmata u responsabbli għall-valuri tal-udjenza li twassal biex teduka. Jekk dan ma jseħħx noħolqu (jew inkomplu nkabbru) kultura fejn kulħadd iparla bl-addoċċ mingħajr il-ħtieġa li jivverifika dak li jgħid jew li jirrispetta persuni oħra – eżempju ħaj ta’ dan huma ċerti bloggs tal-ġurnali.

F’Betlem l-anġli ħabbru l-paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Dan hu l-awgurju tal-Kummissjoni: li l-poplu tagħna jkollu rieda tajba u qawwija biżżejjed li twassal biex pajjiżna jiġġedded verament. Tgħid dan l-awgurju kapaċi nagħmluh proponiment?