Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Imma dawn il-fqar x'ħaqqhom?

16/01/2017 09:00

Ma jitgħallmux! Qabda social bums! Jieħdu gost jgħixu bl-għakkarija! Il-flus iberbquhom fis-sigaretti u t-tombla! Jew, basta taparsi fqira mbagħad tmur tagħmel difrejha.

Kliem li nisma’ ta’ kuljum. Meta ma niġix magħdud ta’ baħnan, stupidu u fidil. U aktar int temminhom - issib min jgħidlek, biex bħallikieku jiftaħlek għajnejk.

Għal xi wħud il-faqar hu illużjoni. Biex ma nużax il-kelma perċezzjoni, ħalli ħadd ma jakkużani b’partiġgjaniżmu. Oħrajn jimminimizzawh kemm jistgħu. U niskanta – jew missni ngħid ma niskantax? Kif  meta l-partit tagħna jkun fil-Gvern, id-diskors jinbidel totalment minn meta l-partit ikun fl-Oppożizzjoni.

Ma nixtieqx inkun politiku, imma l-faqar hu r-riżultat tal-politika. Lokali u internazzjonali.

Imma ejja qabelxejn niffukaw fuq il-fqar. Jekk jeżistu, kemm huma? Min huma? Fejn huma?

Aġenti tal-Bidla

Aġenziji bħall-Caritas li jaħdmu man-nies u għan-nies, iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. Kull tip ta’ faqar. F’forom differenti u għal raġunijiet differenti.

U dawn l-aġenziji jagħmlu li jistgħu, meta jistgħu. Ovvjament, l-istess il-Caritas. Għal ħafna Caritas tfisser sempliċiment karità. Bieb fejn tħabbat meta tiġi dahrek mal-ħajt. Għax  bl-ilsien Malti l-kelma karità ma tfissirx imħabba imma elemożina. Madankollu jekk Caritas tfisser imħabba, irridu mmorru lil hinn milli nagħtu ftit mill-ħafna li nakkumulaw.

Fis-26 sena li ili midħla tal-Caritas, rajt ħafna xogħol isir mill-impjegati u mill-voluntiera, qassisin u lajċi. Imma forsi l-enfasi dejjem kienet naqra aktar fuq li ngħinu fejn u kif nistgħu lil dawk l-aktar fqar u vulnerabbli fis-siegħa tal-bżonn.

Personalment nemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien li nimxu aktar mal-missjoni li nkunu aġenti tal-bidla. Li nenfassizzaw aktar il-ġustizzja soċjali. Li barra li nagħtu platt sħun u saqaf f’każ ta’ emerġenza, naraw li ħadd ma jibqa’ lura. Naraw li l-ġid li jinħoloq fis-soċjetà jitqassam b’aktar ġustizzja. Nagħmluha ċara li mhux sewwa jkun hawn min għandu ktieb tal-bank eħxen mill-Enċiklopedija Britannika mbagħad fl-istess waqt ikun hemm min lanqas għandu kutra biex jitgħatta fil-bard.

Diskussjoni

Naf li mhux kulħadd jieħu gost bina jekk intambru fuq il-ġustizzja soċjali. Imma aħna m’aħniex hawn biex ningħoġbu. Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu ħilitna biex is-saltna t’Alla, saltna ta’ mħabba, isseħħ ukoll fuq l-art.

Għalhekk filwaqt li nibqgħu viċin iż-żgħar u l-vulnerabbli, organizzazzjoni fqira għall-fqar, irridu naħdmu ferm aktar biex imexxu t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Biex bħala membri tal-Caritas Europa nsostnu li “Il-Ġustizzja Soċjali u l-ugwaljanza fl-Ewropa huma possibbli”.

Ma rridx intawwal. imma qabel nagħlaq nixtieq inħeġġeġ lin-nies ta’ rieda tajba biex jattendu għad-diskussjoni dwar “Imma dawn il-fqar x’ħaqqhom?” li se ssir nhar il-Ħamis, 26 ta’ Jannar, 2017, fis-6.00 ta’ filgħaxija fil-Caritas, Triq l-Iljun, il-Furjana.

Id-diskussjoni tiftaħ b’diskors ta’ Patri Ġwann Xerri O.P., missjunarju għal snin twal fl-Amerika Latina, u hija organizzata mill-Caritas flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar.

Ejja u uri fehemtek.

Charles Miceli

Voluntier u Kontributur

Caritas Malta