Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-Gvern se jagħti 7 biljun litru ilma fis-sena lill-bdiewa u lukandi" - Joseph Muscat   |  “Il-Gvern irid jagħmel profitt anke mill-mewt” – Simon Busuttil

Tmiem tal-ħajja

Sina  Bugeja  -  24/01/2017 09:15

Kulħadd jaf kemm kibret ix-xjenza u magħha kibret ukoll il-kura kważi għall-kull kundizzjoni li nistgħu niltaqgħu magħha. Dan l-avvanz bħal donnu nessiena li l-mewt hija parti integrali mill-ħajja u li kull ħolqien irid jasal fit-tmiem tiegħu. Inħarsu kif inħarsu lejha din is-sitwazzjoni ma naraw xejn ħlief liġi bażika tan-natura.

Smajt fuq numru ta’ sitwazzjonijiet fejn persuna li waslet fl-aħħar ta’ ħajjitha tiġi mċaqalqa minn fejn tkun qeda u tintbagħat l-isptar bit-tama ta’ kura aktar sofistikata minn dik li tkun qed tirċievi. Jekk ikun hemm spazju għal titjib nemmen li hekk għandu jsir imma meta l-pazjent ikun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu, din ma tkun xejn ħlief ħarba mir-rejalta u / jew biża biex niffaċċjaw it-tmiem.

M’hi ħaġa ħafifa xejn speċjalment meta dawk involuti ikun qraba tagħna imma f’dawn iċ-ċirkostanzi kull deċiżjoni għandha tkun fl-interess tal-pazjent. L-interess u l-gwadann tal-pazjent għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tittieħet. Kull min se jieħu xi deċiżjoni għandu jiżen kemm il-gwadan kif ukoll id-dannu għall-pazjent innifsu u għal ħadd aktar.

Isir minn kollox sabiex imbiegħdu kemm nistgħu il-mument tal-mewt u dan mhux dejjem ikun ta’ xi vataġġ għall-pazjent. Jekk qed niffaċċjaw sitwazzjoni terminali u l-pazjent m’għandu enda tama ta’ tijib fiċ-ċirkostanza tiegħu, allura aktar ikun jagħmel sens li dak li jkun jingħata kura paljattiva fejn nassiguraw li ma jkunx hemm uġigħ.

Forsi mistoqsija li aħjar nagħmlu tkun għal min qeda issir id-deċiżjoni – min se jiggwadanja l-aktar minnha? Kif qed jiġi ndikat il-gwadann għall-pazjent? Possibbli li taqla persuna mid-dar privata jew minn dar tal-anzjani, per eżempju, u tibgħat lil dik il-persuna l-isptar meta mhux se tirċievi kura aktar speċjalizzata tista qatt tkun iġġustifikata?

Sirna nibżgħu li xi ħadd imut id-dar – nippreferu li pazjent imut l-isptar. M’għadniex kapaċi niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet u aktar ma nitbegħdu minnhom aktar inħossuna aħjar. Il-firda li ġġib magħha l-mewt mhix pjaċevoli imma l-fatt li tbeżżana daqshekk, irridu nieqfu naħsbu ftit fuqha. Forsi għax tfakkarna li aħna ukoll mhux għal hawn u l-anqas għal dejjem? Imma t-tmiem huwa parti mill-bidu u xejn ma jbiddel dan. Aktar taħriġ fuq dan huwa neċċessarju għall-professjonisti kollha.

Jidher illi kif nittrattaw it-tmiem tal-ħajja huwa diffikultuż anke għat-tobba u l-professjonisti tas-saħħa li huma mħarġa sabiex kemm jista jkun ifejjqu u jtejjbu u jtawwlu l-ħajja. Meta jiffaċċjaw t-tmiem qishom iħossuhom qed ifallu. Imma dan żgur mhux il-kas. Għandna kura tas-saħħa ta’ livell għoli ħafna f’pajjiżna imma irridu ukoll nagħrfu li jasal ukoll il-mument tat-tmiem. Mument fejn huwa r-responsabbilta tagħna li naraw li l-persuna hija komda kemm tista u bla uġigħ kemm jista jkun. It-Tobba tal-Familja flimkien ma entitajiet anke non-governattivi jistgħu jgħinu ħafna lill-familji f’dawn il-mumenti.

Tabib b’numru ta’ snin ta’ esperjenza qalli li meta ommu kienet waslet fl-aħħar, għażel li jżommha d-dar tagħha kif kien jaf li kienet ix-xewqa tagħha – qatt ma riedet tmur biex tmut l-isptar.  Kien jaf li l-isptar m’hemm xejn aktar x’jista jsir u kien qed jagħmel dak kollu li seta sabiex kemm jista jkun tkun mingħajr uġigħ u komda kemm jista jkun.

Intervista nteressanti ħafna mal-Professur Pierre Mallia, Espert fil-BioEtika fuq gazzetta lokali qajmet ħafna punti mportanti għad-diskussjoni fuq dan is-suġġett. Xi ħaġa li laqtitni huwa l-fatt li minn naħa nibżgħu mill-mewt u nippruvaw inbeduha kemm nistgħu imma minn naħa l-oħra lesti li niddiskutu l-ewtanasja. Min jaf jekk hux l-kontroll jew nuqqas tiegħu l-aktar li jagħmlilna diffikultajiet?