Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Tirriżenja ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.   |  Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-nies irrabjati, iżda ma jeskludi xejn dwar Manoel Island   |  Taljan ta’ 31 sena residenti Katanaja ġie arrestat wara li nqabad b’10 kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis   |  100 kilogramma deheb misruqa minn mużew f’Berlin   |  

​Sħab iswed u raġġi ta’ dawl

Dun Brendan M. Gatt  -  30/01/2017 17:10

Li Donald Trump huwa karattru diviżiv għall-aħħar hija ħaġa magħrufa. Id-diskors u l-atteġġjament tiegħu fil-konfront ta’ individwi, kategoriji ta’ persuni u kwistjonijiet (bħal dawk ambjentali) huma kultant biżarri u spiss kundannabbli. Anki l-ikbar sostenituri tiegħu kultant isibu ruħhom daharhom mal-ħajt, jipprovaw jiddefendu xi ħaġa li jkun qal, jew xi pożizzjoni li jkun adotta.

Raġġ dawl (is-silver lining proverbjali) jiġi mill-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort. Bil-maqlub ta’ Hillary Clinton u Barack Obama li jħaddnu pożizzjoni estrema fejn jaċċettaw il-qtil tat-tarbija saħansitra sal-mument tat-twelid (għax skont Clinton, sakemm it-tarbija għadha fil-ġuf m’għandhiex drittijiet), Trump isostni li huwa pro-­life. Dan minkejja li snin ilu kien iħaddan pożizzjonijiet differenti f’dan ir-rigward. Imma dan mhux sorprendenti: wara kollox anki f’Malta għandna politiċi li snin ilu kienu jgħidu ħaġa u llum isostnu pożizzjoni differenti!

Saħansitra l-inawgurazzjoni ta’ Trump bħala President seħħet taħt sħaba ta’ diżapprovazzjoni kbira. F’dak l-istess ħin, mijiet ta’ attivisti anarkiċi ipprotestaw kontra Trump billi nfexxew f’orġja ta’ vandaliżmu madwar Washington DC, ironikament kontra azjendi li fil-maġġor parti appoġġjaw finanzjarjament lil Clinton matul il-kampanja elettorali!

L-għada tal-inawgurazzjoni, mijiet ta’ eluf ta’ nisa (qrib nofs miljun skont ċerti sorsi) immarċjaw f’Washington biex juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-atteġġjament ta’ Trump lejn in-nisa u ċerti minoranzi.

Li hu traġiku f’din il-Women’s March huwa li din kienet dikjaratament favur l-abort; u dan mhux biss b’mod sekondarju jew b’xi għażla personal ta’ wħud mill-parteċipanti. It-tieni fost il-Unity Principles (bażikament il-Kredu) ta’ din il-Mixja tan-Nisa kienet tgħid hekk (se nikkwotaha bl-Ingliż sabiex ħadd ma jakkużani li mmanipolajtha):

“We believe in Reproductive Freedom. We do not accept any federal, state or local rollbacks, cuts or restrictions on our ability to access quality reproductive healthcare services, birth control, HIV/AIDS care and prevention, or medically accurate sexuality education. This means open access to safe, legal, affordable abortion and birth control for all people, regardless of income, location or education.”

Sfortunatament dan il-prinċipju ma baqax biss fuq il-karta, iżda ingħex b’mod ikraħ fil-prattika wkoll. Nisa pro-life li xtaqu jipparteċipaw fil-Women’s March sabu oppożizzjoni, tgħajjir u anki vjolenza. L-attivista favur il-ħajja Abby Johnson – li nzertat tqila b’tewmin – sfat imbuttata apposta minn xi parteċipanti; biex inkunu ġusti, xi parteċipanti oħra qabżu għaliha. L-isem tal-grupp femminista favur il-ħajja ‘And Then There Were None’ tneħħa mil-lista uffiċċjali ta’ partners tal-March, bl-organizzaturi jitolbu skuża talli inkludewh “bi żball”. Bażikament l-atteġġjament tal-Women’s March kien li kwalunkwe mara li mhix favur l-abort m’hijex mara ta’ veru; anzi, hija ħatja ta’ tradiment kontra n-nisa l-oħra.

Din hija tassew ħasra. Il-biċċa l-kbira tal-prinċipji l-oħra li ħaddnet il-Women’s March kienu tassew ta’ min ifaħħarhom: kundanna tal-vjolenza domestika u affermazzjoni tad-drittijiet ta’ xogħol, ċivili, ambjentali u oħrajn. Jekk l-oppożizzjoni għall-abort huwa raġġ (żgħir, nammetti) ta’ dawl fl-amministrazzjoni ta’ Trump, l-insistenza fuq l-hekk imsejjaħ dritt għall-abort tibqa’ sħaba sewda fuq il-moviment femminista.

B’kuntrast, nhar is-27 ta’ Jannar, folla kbira oħra għamlet il-mixja tagħha ta’ kull sena: l-44 edizzjoni tal-March for Life li kull sena toħnoq it-toroq ta’ Washington DC u bliet oħra madwar l-Amerka bi protesta kontra l-olokawst ta’ vittmi innoċenti (60 miljun s’issa) li ħolqot il-liġi Roe v. Wade tal-1973.

Għall-ewwel darba, il-parteċipanti saħansitra ġew indirizzati mill-Viċi President Mike Pence u membri oħra tal-amministrazzjoni ta’ Trump. Forsi nistgħu nazzardaw nittamaw li anki f’pajjiżna – meta nagħmlu xi attivita’ favur il-ħajja – għad naraw il-parteċipazzjoni tal-ogħla politiċi tagħna (bħalma narawhom fuq quddiem f’mixjiet għal kawżi oħra)?