Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

​“Personalment ma naqbilx, imma…

Dun Brendan M. Gatt  -  09/01/2017 09:45

Qed iberraq għall-kawża pro-life f’Malta. Aħfruli jekk id-diskors li jgħidulna xi politiċi biex iserrħulna rasna f’dan ir-rigward ma tantx jikkonvinċini. Mhux għax ma nemminx fil-ġenwinità personali ta’ xi wħud minnhom; imma għax – bir-rispett kollu dovut – diġà ġejna traduti fl-imgħoddi fuq kwistjonijiet relatati. Meta dak li jimbotta l-operat ta’ partit ikun il-ġirja wara l-voti (minflok il-ġid komuni), ftit jibqa’ serħan tal-moħħ; prinċipju tallum jaf jinbidel għada jew ħames snin oħra.

Huwa naturali li jkun hemm pożizzjonijiet differenti dwar dawn il-ħwejjeġ, anki fi ħdan l-istess partit: mitt bniedem mitt fehma, wara kollox. Iżda li jdejjaqni huwa meta ċerti politiċi jipprovaw jogħġbu lil kulħadd u jgħidu li jħaddnu twemmin filwaqt li jagħmlu eżatt bil-maqlub. Bħalma kien jgħid patri xiħ: “Jekk tipprova timxi sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm, fl-aħħar tinfetaq!”

Dak li ġara s’issa barra minn Malta f’dan il-kamp jista’ jiftħilna għajnejna u jgħallimna. Per eżempju dik il-frażi li xi politiċi jħobbu jużaw biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom: “Personalment ma naqbilx mal-abort (jew mal-ewtanażja), imma ma nħossx li għandi nċaħħad lil ħaddieħor milli jkollu aċċess għal dan id-dritt.” Din spiss nisimgħuha minn politiċi li jridu jżommu l-apparenza ta’ Kristjani/Kattoliċi filwaqt li jħaddnu pożizzjonijiet dijametrikament opposti u inkompatibbli ma’ din il-fidi.

Hekk għamel Tim Kaine, eks-Ġiżwita li Hillary Clinton għażlitu biex ikun ir-running mate tagħha fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru li għadda. Kieku ġiet eletta, hu kien isir Viċi President. Dwar l-abort qal: “Bħala Kattoliku jien personalment ma naqbilx (personally opposed) imma fl-istess ħin inħoss li hija deċiżjoni personali tan-nisa u allura l-istat m’għandux jindaħlilhom.” Fi kliem ieħor jaċċetta l-prattika tal-abort mingħajr ebda restrizzjoni.

Din hija pożizzjoni viljakka għall-aħħar; tippreżenta l-abort (u kwistjonijiet relatati) daqs li kieku kienet biss kwistjoni ta’ gosti; qisna qed niddiskutu jekk nippreferux il-pizza jew l-għaġin! Imma hawn mhux dwar gosti qed nitkellmu. Jekk l-abort huwa tassew qtil ta’ ħajja innoċenti (inkella għalfejn ma taqbilx miegħu?), ma jistax ikun hemm oppożizzjoni personali biss: dak li huwa ħażin, ħażin dejjem u ħażin għal kulħadd. U jekk jien inqis xi ħaġa bħala ħażina – iktar u iktar jekk tħalli vittmi innoċenti – l-anqas irrid lil ħaddieħor jagħmilha.

Din mhix xi ħaġa ġdida, inċidentalment, l-anqas f’pajjiżna stess. Dawk li kienu jqisu ċ-ċirklu (circus) bl-annimali bħala moħqrija ma qalux “Aħna ma naqblux maċ-ċirklu u mhux se mmorru narawh, imma ħaddieħor jibqa’ liberu jagħmel li jrid.” Taw vuċi lil min ma kellux (l-annimali f’dan il-każ) u baqgħu jinsistu sa ma fl-2014 il-gvern bidel il-liġi u ma ppermettiex iktar iċ-ċirklu bl-annimali f’Malta.

Xhieda ta’ kemm dan l-argument tal-“oppożizzjoni personali” huwa żbaljat u falz immaġinaw kieku Tim Kaine flok dwar l-abort kien qed jitkellem dwar ħażen morali ieħor: per eżempju t-terroriżmu jew l-iskjavitù (li żżomm bniedem bħala proprjetà). Immaġinaw kieku Kaine qal li huwa personalment kontra l-iskjavitù imma fl-istess ħin ma jħossx li għandu jindaħal lil ħaddieħor jekk jagħmilx użu minn din il-prattika moqżieża: mhux talli ma kienx jiġi msejjaħ biex ikun running mate ta’ Clinton, talli kien jiġi mneżża’ minn kull kariga oħra li għandu!

Wasal iż-żmien li aħna wkoll, il-votanti Maltin li nħaddnu valuri pro-life, nibdew nitolbu u nistennew risposti ċari dwar dawn il-kwistjonijiet, mingħajr tidwir u tlaqliq, mingħand il-politiċi tagħna. Wara kollox, aħna ma neleġġuhomx biex ikollhom biss xi “oppożizzjoni personali”, imma biex ikunu rappreżentanti tagħna u vuċi għal min m’għandux.