Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Ir-rilevanza tax-Xhieda Nisranija llum

Arthur  Galea Salomone  -  10/10/2017 10:27

Dan hu messaġġ ta’ Arthur Galea Salomone fil-ftuħ tas-Sena Pastorali 2017-2018 tal-Moviment Kana.

It-tema li għazilna għal-ftuħ ta’ din is-Sena Pastorali hi “Ir-Rilevanza tax-xhieda Nisranija llum”.  

Huwa importanti li, fl-ewwel lok, nifhmu il-kuntest li qed ngħixu, cioé soċjetà post-moderna u sekularizzata li tippreżenta numru ta’ sfidi.

Soċjetà post-moderna tippromwovi l-ideja mhux biss li kulħadd għandu jkollu vuċi, iżda li l-vuċijiet kollha huma ugwalment awtorevoli. Is-soċjetà post-moderna hija għalhekk art fertili għar-relativiżmu, fejn il-verità anke jekk ibbażata fuq ir-rivelazzjoni divina hija valida u rilevanti daqs it-teżi ta’ kulħadd ieħor.    

Nisrani li jazzarda jipproponi, mingħajr ma jimponi, li l-verità li jħaddan hu hija dik tajba, sewwa u universali huwa kkritikat bħala arroganti u li jonqos mir-rispett lejn l-opinjoni ta’ ħaddiehor. Araw, per eżempju, kif żviluppa d-diskors fuq iż-żwieg, fuq it-tagħlim tal-Knisja dwar il-familja u issa wkoll fuq il-bidu u t-tmiem tal-ħajja; dawn huma kollha temi dwar veritajiet universali li qed jiġu sfidati u mnawra u Nisrani li jazzarda jsemma leħnu fuq dawn ir-rejaltajiet huwa ttimbrat li jrid jimponi t-twemmin tiegħu fuq l-oħrajn.

It-tieni nozjoni sekulari li nisimgħu ripetutament hija li Alla u l-prattika tar-reliġjon jappartjenu għall-hajja privata u mhux għall-hajja pubblika. Is-soċjetà tippretendi illi t-twemmin tagħna għandna ngħixuh u nimmanifestawh mill-għatba ta’ darna jew mill-għatba tal-knisja il-ġewwa, imma imbagħad fuq il-post tax-xogħol, fil-pjazza, jew fil-Parlament, hemmhekk is-soċjetà tissuġġerixxi li nwarrbu t-twemmin tagħna, ninżgħu il-kuxjenza tagħna biex inkunu newtrali.  

Dan kollu jikkuntrasta ma’ dak li hu mistenni minna bħala Nsara. F’Mattew 5, versi 14-16 naqraw:

“Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.

Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin.”

Mela, kuntrarjament ghal dak li tgħidilna s-soċjetà, Kristu mhux qed jgħidlna biex inkunu newtrali jew biex inlissnu jew ngħixu dak li nemmnu fil-privatezza ta’ darna. Bil-maqlub, aħna msejħin biex nagħtu xhieda, mhux biss fil-Knisja, jew fuq iz-zuntier, imma iżjed u iżjed fil-pjazza. Qed nuża l-pjazza f’sens metaforiku, fis-sens li aħna msejħin nagħtu xhieda fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, kull fejn inkunu, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-ħin tar-rikrejazzjoni, fuq il-midja soċjali, fil-ħajja pubblika u anke fil-politika.  

Aħna imsejħin inkunu Nsara konsistenti; aħna Nsara fil-pjazza daqs kemm aħna Nsara f’darna jew fil-Knisja, aħna Nsara kull jum u kul ħin u mhux Nhar ta’ Ħadd biss. Aħna persuni holistiċi, magħmula mill-ġisem, mill-moħħ u mir-ruħ u nġorru il-kuxjenza tagħna kull fejn inkunu. Ma nistgħux ngħidu aħna, meta mmorru l-Knisja, nidħlu bil-kuxjenza tagħna u nħallu dirgħajna jew moħħna fuq iz-zuntier. Bl-istess mod ma nistgħux ngħidu issa sejrin għar-rikreazzjoni jew fuq il-post tax-xogħol u ħa mmorru b’dirgħajna u b’moħħna imma ser nħallu l-kuxjenza warajna.

Kien hemm min ippretenda hekk. Ftit gimgħat ilu meta l-Parlament kien qed jiddiskutu l-emendi għall-liġi taż-żwieg, kien hemm min ippretenda illi l-Parlamentari tagħna għandhom jidħlu fil-Parlament b’dirgħajhom u forsi b’moħħhom, imma jridu jħallu l-kuxjenza tagħhom barra, f’Misraħ il-Ħelsien u tkażajna b’min ivvota bil-kuxjenza tiegħu. Bħala Insara, kull fejn inkunu, irridu nkunu preżenti fis-sħuħija tagħna, b’ġisimna, b’moħħna u bil-kuxjenza tagħna, b’dak li aħna u b’dak li nemmnu.  

Tajjeb li ngħidu li dawn mhumiex sfidi ġodda. Biżżejjed inħarsu lejn it-testment il-Qadim u naraw li Alla dejjem immanifesta ruħu f’soċjetà pluralista. It-Testment il-Qadim jurina li lanqas l-allat foloz m’huma xi fenomenu ta’ dan is-seklu. Forsi l-allat foloz tbiddlu fil-forma tagħhom, imma l-isfida li twassal il-messaġġ tal-Evanġelju, li tevanġelizza, f’kuntest pagan jew sekulari, f’soċjetà pluralista, eżistiet sa mil-bidu nett. Anzi aħna xxurtjati li għandna eluf ta’ snin ta’ storja biex jgħinuna. Għalhekk ma nistgħux naqtgħu qalbna. Bil-kontra għandna nintlew b’kuraġġ.

Fix-xhur u fis-snin li ġejjin huwa evidenti li ser niffaċċjaw numru ta’ sfidi:

Sfida ta’ diviżjoni interna, anke fuq l-Eżortazzjoni Apostolika Amoris Laetitia, sfida li ser inkunu vuċi minoritarja f’ibħra ta’ vuċijiet li jridu jsikktuna; sfida għal-veritajiet universali mhux biss dwar l-identità tal-familja imma wkoll dwar id-dinjità tal-bniedem, dwar il-bidu u t-tmien tal-ħajja.

Diġà hemm fuq l-aġenda parlamentari kwistjonijiet bħal-legalizzar tal-prostituzzjoni u tad-droga, l-iffriżar tal-embrjuni, u diġà beda jfeġġ id-diskors dwar il-kiri tal-ġuf, l-ewtanasja u l-abort.    

F’dan il-kuntest aħna msejħin ilkoll biex insemmgħu leħinna, biex insostnu l-verità dwar id-dinjità tal-bniedem, biex niddefendu l-ħajja f’kull stadju tagħha, mit-tnissil sal-mewt. Aħna lkoll imsejħin biex bil-mod li ngħixu, b’għemilna iżjed milli bi kliemna, b’ġesti żgħar fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kull jum, inkunu dawl għal-ġnus.   

Il-Papa Franġisku qalilna li “l-Kristjaneżmu mhuwiex skola ta’ idejat astratti jew ġabra ta’ tempji sbieħ jew kollezzjoni ta’ arti li ssaħħrek, imma poplu ħaj li jimxi wara Kristu u li jagħti x-xhieda Tiegħu f’kull ħin u f’kull mument.”  

Kristu huwa d-dawl li aħna għandna nirriflettu, kulħadd fiċ-ċirkustanzi li jinsab, min b’mod u min b’ieħor, fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kull jum. 


Arthur Galea Salomone, President Moviment Ta' Kana