Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Il-kartuna tal-ħalib u l-impjant antik tal-ħalib tax-Xewkija

Simone Vella Lenicker  -  12/10/2017 09:37

Matul l-aħħar jiem qamet kontroversja rigward il-kartuna il-ġdida tal-ħalib tal-Benna, li apparti disinn ġdid, issa għandha tapp tal-plastik. Minkejja li dan jagħmilha iktar faċli biex il-konsumaturi jużaw il-kartuna, kif ukoll iżomm il-ħalib frisk għal tul iktar ta’ żmien, diversi nies ilmentaw dwar il-fatt li dan ser ifisser żieda ta’ madwar 80,000 tapp tal-plastik li ser jintrema fil-ġimgħa. Fi blogg ieħor[1] kont ktibt dwar il-problemi allarmanti li qegħdin niffaċċjaw fis-settur ta’ l-iskart, inkluż il-fatt li 8% biss tal-iskart tagħna qiegħed jiġi riċiklat. Din iż-żieda ta’ plastik fl-ambjent tagħna tista twassal għal ħsara irreparabbli, u minflok ma nikkultivaw kultura ta’ għarfien dwar il-ħsara li dan il-materjal qiegħed jikkawża, qegħdin naraw li l-kultura ta’ l-indifferenza u l-kultura tal-kumdità qiegħda dejjem iktar tiżdied u tirkeb fuq l-impenn għall-ħarsien tal-ambjent. Ser isiru diversi attivitajiet sabiex titqajjem iktar kuxjenza dwar dan matul il-jiem li ġejjin, u ta’ min wieħed jipprova jifhem l-argumenti favur u kontra sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta’ ġid għas-soċjetà tagħna.

Fl-istess jiem, smajna wkoll aħbar tajba rigward l-impjant antik tal-ħalib fix-Xewkija, Għawdex. Fl-aħħar ta’ Ottubru ta’ l-2016, il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp kien iltaqa’ fil-Parlament biex jiddiskuti xi tibdil fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna, b’mod speċifiku fir-rigward taż-Żona Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex. Din il-proposta kienet tikkonċerna sit mdaqqas li sa dak in-nhar seta’ jintuża għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u għal suq skond il-Pjan Lokali. L-Awtorità ta’ l-Ippjanar kienet ipproponiet li dan is-sit ikun jista’ jintuża għal użi industrijali ġenerali.

Għalkemm din il-proposta dehret li kienet waħda ta’ proċedura normali, il-Kamra tal-Periti u Din l-Art Ħelwa kienu ġibdu l-attenzjoni tal-Kumitat li f’dan is-sit hemm l-impjant antik tal-ħalib tal-MMU, li kien iddiżinjat mill-perit magħruf Joseph Huntingford, u li jinkludi numru ta’ elementi arkitettoniċi uniċi li huma ispirati mill-Moviment Modernist (Modernist Movement).

Il-Kumitat kien talab lill-Awtorità sabiex il-policy il-ġdida tkun tinkludi klawżola li tassigura l-protezzjoni ta’ dawk l-elementi arkitettoniċi li jimmeritaw li jkunu miżmuma u ppreżervati. Fil-fatt, l-Awtorità kienet marret oltre, u kienet skedat il-bini fil-bidu ta’ din is-sena, u b’hekk tat protezzjoni ikbar lil dan l-impjant.

L-applikazzjoni għall-iżvilupp tax-Xewkija Business Hub ġiet approvata l-ġimgħa li għaddiet[2], u l-bini amministrattiv tal-impjant ser jiġi rrestawrat u ser jintuża bħala uffiċini, spazji għall-konferenzi u faċilitajiet oħrajn.

Dan huwa ċertament pass fid-direzzjoni t-tajba, u jawgura tajjeb biex inrawwmu iktar kuxjenza dwar il-patrimonju arkitettoniku ta’ binjiet ta’ dan il-perjodu, u sabiex jikber l-apprezzament tal-arkitettura kultant minsija li nsibu f’ċertu żoni industrijali bħall-iMrieħel, San Ġwann u l-Marsa. Huwa importanti wkoll għaliex isaħħah il-kultura li nerġgħu nutilizzaw binjiet li ġa jeżistu, minflok ma mmorru mill-ewwel għas-soluzzjoni iktar faċli li nkissru dak li hemm u nkomplu nżidu mal-ammonti ta’ skart li jiġġenera is-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Perit Simone Vella Lenicker

Perit u Attivista favur l-Ambjent