Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-eżami ta’ Voltaire

Prof. John Baldacchino  -  21/10/2017 09:17

Fi żminijiet bħalma għaddejja minnhom Malta, ħafna qed jiskopru lil Votaire u jikkwotaw dak li ġie attribwit lilu meta qal: “Jien ma naqbilx ma’ dak li ktibt, imma nagħti ħajti sabiex inti tista’ tissokta tikteb.”   

Dan qed narawh sikwit ikkwotat għaliex fid-dawl ta’ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, hemm dawk li ħassew li għalkemm mhux dejjem qablu ma’ dak li kitbet, dawn iħossu bl-istess intensità li kulħadd għandu d-dritt li jikteb dak li jrid. Dan għaliex id-dritt ta’ espressjoni ħielsa hija l-pilastru tad-demokrazija, liema pilastru jipproteġi lil kulħadd, u fejn l-argument u l-persważjoni jibqgħu l-għodda ta’ l-arti tal-politika.

Sfortunatament, għal ħafna dan jagħmel sens fuq il-karta biss. Forsi jagħmel sens meta jingħad. Imma meta niġu għall-fatti qed insibu li fl-eżami ta’ Voltaire ħafna jispiċċaw b’marki baxxi jekk mhux b’żero. Mhux biss hawn min qed jiżloq fin-niexef, imma hemm każi ta’ ipokresija grassa li mhemmx għalfejn tkun xi Freud jew Jung biex tagħrafha.

Issa ħafna se jgħidu li hawn qed nirreferi biss għal dawk li sa llum ma jaqblux ma’ dak li kitbet Daphne Caruana Galizia. U ħafna malajr lesti jiġġudikaw lil kull min jitniffes jew jażżarda jgħid li ma kienx jaqbel ma’ dak li kienet tikteb, speċjalment fil-konfront tal-Partit Laburista, u anke dan l-aħħar fil-konfront ta’ dawk li appoġġjaw lil Dr Delia għall-mexxej tal-PN.

Imma hawn irrid niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja u nfakkarhom li l-eżami ta’ Voltaire mhuwiex hemm biss għal dawk li ma jaqblux ma’ opinjoni ta’ xi ħadd ieħor, imma għaż-żewġ naħat ta’ l-argument.

Fid-dawl ta’ dak li ġara u dak li qed jingħad, fl-eżami ta’ Voltaire ma joqgħodux biss dawk li ma jaqblux ma’ Caruana Galizia, imma iktar u iktar dawk li jaqblu magħha. Dan għax qed insibu wħud li dejjem qablu magħha u li qed jinsistu li dawk li ma qablux magħha illum m’għandhomx dritt jgħidu li huma wkoll jinsabu rrabjati għall-assassinju tagħha u li bħalhom iħossu sens kbir ta’ luttu lejn bint, omm u mart li tilfet ħajjitha b’dan il-mod faħxi.

Dawn li qed jgħajru lil ħaddieħor ipokrita talli xi darba ma qablux ma’ Caruana Galizia, mhumiex qed jifhmu lil Voltaire. L-argument ta’ Voltaire jitlob li dawk li jaqblu għandhom ikollhom kull rispett għal dawk li lesti jagħtu ħajjithom għad-dirtt ugwali għall-espressjoni ħielsa ta’ dawk li magħhom jibqgħu ma jaqblux. Min illum qed jixli lil dawk li ma qablux ma’ Caruana Galizia jonqos daqs dawk li jonqsu milli jiġġieldu għall-liberta’ ta’ l-espressjoni għal kulħadd.

Bħallikieku din it-traġedja ma kinitx enormi biżżejjed, qed insibu li l-istess traġedja qed issib art fertili biex titkattar fil-mibgħeda personali. L-att faħxi ta’ assassinju bħal dan la huwa skuża għal xi ħadd biex issa jixli lil min ma qabilx ma’ min ġie assassinat, u lanqas mhuwa skuża sabiex xi ħadd jiġġustifika b’xi mod makabru li dan il-qtil seta’ b’xi mod iservi ta’ deterrent għan-nuqqas ta’ qbil.

L-argument ta’ Voltaire jaħdem b’żewġ manjieri. Filwaqt li jinsisti fuq id-dritt ħieles ta’ l-espressjoni, huwa wkoll jinsisti fuq id-dritt li ma taqbilx ma’ l-istess espressjoni. Il-punt huwa il-ħelsien ta’ espressjoni u hawn l-espressjoni tfisser sew qbil u kif ukoll kuntrarju.

Kull min irid juża’ din il-krimini infami sabiex jiskorja punti kontra xi ħadd, dan qed jipprova isikket lil dan ix-xi ħadd. Persuna li hija ġurnalista, blogger, kittieba, artista...tkun min tkun, taf li dawk li ma jaqblux magħha għandhom l-istess dritt li jesprimu lilhom infushom kontra l-argument tagħha.

U fid-dawl ta’ dak li qalu l-Eċċellenzi Tagħhom il-President u l-Arċisqof, hemm bżonn ikbar li ninsistu fuq punt kruċjali ieħor: mill-espressjoni irridu nimxu lejn il-persuna, u d-dritt sagrosant tad-dinjità tal-persuna. Hawn irridu ngħidu bl-akbar qawwa li d-dritt tad-dinjità tal-persuna jiġi mill-fatt li l-persuna tal-bniedem titqies mill-ħelsien u l-intelliġenza li bihom aħna nsostnu l-essri tagħna bħala bnedmin. 

Irridu nifhmu iktar minn qatt qabel illi meta ma naqblux ma nistgħux naqgħu fin-nassa ta’ mibgħeda personali. Il-kuntest ta’ l-argument jibqa’ fl-isferi ta’ l-ideat u l-opinjoni u mhux isiru att kontra l-persuna.

Din mhijiex sfida faċli u fejn ikun hemm soċjetà li spiss taqa’ fit-tribaliżmu partiġġjan, dawn id-distinzjonijiet jgħibu. Meta dawn jgħibu se nsibu problemi akbar. Dan jagħti lok għal nuqqas totali ta’ rispett lejn il-persuna ta’ ħaddieħor, u fejn il-possibilità tal-vjolenza se tiżdied.

Din il-ġimgħa ktibt fit-Times online dwar is-sospensjoni tal-ġudizzju sabiex inħallu r-raġuni twassal għall-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ Voltaiure, dan l-argument insaħħu u nikkwalifikah bid-distinzjoni bejn il-kuntrast argumentattiv u l-mibgħeda bejn il-persuni.

Jekk bħal Voltaire veru nemmnu li għandna niġġieldu b’ħajjitna kollha għall-ħelsien ta’ l-espressjoni, speċjalment meta ma naqblux ma’ espressjonijiet partikolari, allura ma nistgħux ma nżommux f’moħħna li dawk li ma qablux ma’ Caruana Galizia imma bil-ħeġġa kollha jemmnu li kellha kull dritt li tgħid dak li riedet, ma jistgħux jiġu miċħuda mid-dritt għall-idejat u l-opinjoni tagħhom. U dan għaliex id-distinzjoni bejn l-idea u l-persuna huma il-qofol ta’ kull ħelsien.

Li ngħid li ma naqbilx miegħek ma jfissirx li jien mhux qed nirrispettak. Billi ma naqbilx miegħek ma jfissirx li qed nonqos mir-rispett lejn il-persuna tiegħek. Imma jekk dik li tkun ma taqbilx miegħek għaliex tonqos mir-rispett lejn il-peruna tiegħek, allura din mhux biss qed iċċaħħdek mid-dritt ta’ espressjoni ħielsa imma wkoll mid-dritt għad-dinjità tiegħek.

Dan huwa l-pern ta’ kollox: id-dinjità tal-persuna. Il-miżura ta’ kliem Voltaire jibda u jispiċċa fir-rispett lejn il-persuna tal-bnedmin bħala essri ndaqs, bl-istess dritt għall-ħelsien u bl-istess rispett lejn l-intelliġenza tagħhom.

Jekk ninsew dan u nħarsu lejn persuna mill-lenti tat-tribù, ifisser li mhemm l-ebda ċans li se jkun hemm dritt effettiv għall-ħelsien ta’ l-espressjoni. U fejn il-possibilità tal-vjolenza kontra il-persuna se tiżdied, is-sogru ta’ traġedji u krimini li jwaħħxu popli sħaħ se jibqgħu iwerwruna għal għomorna.   

Prof. John Baldacchino

Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison.