Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Reazzjonijiet quddiem Pinna Mkissra

Dun Brendan M. Gatt  -  23/10/2017 09:48

Ftit jiem ilu l-Papa Franġisku saħaq li fid-duttrina tal-Knisja Kattolika ma fadalx ġustifikazzjoni għall-piena tal-mewt għax din tmur kontra l-Vanġelu: “serju kemm hu serju d-delitt li seta’ twettaq, il-piena tal-mewt mhijex ammissibbli għax tattakka l-invjolabbiltà u d-dinjità tal-persuna.” Bosta osservaturi tal-Vatikan mill-ewwel basru li mhux kulħadd se jaqbel mal-Papa.

Jisgħobbija ngħid li ma kellhomx għalfejn imorru ‘l bogħod ħafna biex jikkonfermaw dan. Xi wħud mir-reazzjonijiet li laqgħu l-aħbar tal-assassinju terribbli tal-ġurnalista brillanti u kontroversjali, Daphne Caruana Galizia, xejn ma jagħmlu ġieħ lil ġensna. Pjuttost kont taħseb li nqatel xi dittatur kiefer bħalma kien Nicolae Ceaușescu (1989) tar-Rumanija, jew inkella xi baruni internazzjonali tad-droga bħal Pablo Escobar (1993).

Smajna rapporti mhux konfermati li saħansitra kien hemm min għamel carcade biex jiċċelebra dan il-qtil atroċi. Iżda ċ-ċirasa fuq il-kejk ġiet minn dak is-surġent tal-pulizija li għamel għajb lill-uniformi meta – malli ħarġet l-aħbar – tella’ status fuq facebook li ġibed l-istmerrija tad-dinja, iżda li rebaħ like mingħand diversi nies, fosthom kollega tiegħu fil-korp: Had wara had tasal ta kullhadd, demel!!!!!!! Feeling happy :)

Mibegħda terribbli mżewqa b’doża ta’ illitteriżmu. (Anzi jaf jispelli ‘demel’!) M’għaddielux minn rasu, das-surġent (u min għamillu like) li qed jifraħ b’att kriminali li hu fid-dmir li jwaqqaf? Effettivament kien qed jiċċelebra rebħa tal-għedewwa ta’ dak l-ordni pubbliku li hu suppost jirrappreżenta u jiddefendi. Ifraħ, sieħbi, għax hawn il-mafia fostna!

Jista’ jkun li dawn huma każi estremi u eċċezzjonali, li ma jirriflettux is-sentiment reali u l-moralità tal-poplu tagħna. Iżda wisq nibża’ – minn kummenti oħra li osservajt fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali – li ma kinux iżolati daqs kemm wieħed jittama. Ma nistgħux naħarbu l-fatt li r-reazzjoni ta’ xi wħud quddiem din l-atroċità kienet: “Ħaqqha!”

Verament wasalna s’hawn? La l-ebda wieħed miż-żewġ kunjomijiet ta’ Daphne ma kien Ceaușescu jew Escobar, x’setgħu kienu l-ħtijiet u d-dnubiet tagħha li wasslu ‘l xi wħud sabiex iħossu li kien ħaqqha dak li ġralha? Forsi għax kultant (jew spiss) kitbet b’ton arroganti jekk mhux ukoll pastaż u offensiv? Jew forsi għax kultant dehret antipatka u snob? Forsi għax hemm min iħoss li għamlet dnubiet ġurnalistiċi; li xandret gideb jew ineżattezzi, u li attakkat b’mod personali lil xi wħud.

Iżda ejjew għal mument nammettu l-possibiltà li Daphne tassew kienet ħatja ta’ dawn il-ħwejjeġ kollha. X’piena seta’ kien jistħoqqilha? Mhux xi multa wara xi libell mitluf? Imma le; hawn min iħoss li kien jistħoqqilha l-mewt; anzi, mewt terribbli li persuna f’sikkitha l-anqas tixtieqha lill-agħar għadu tagħha.

Jien nistqarr li mhux l-ewwel darba ma qbiltx ma’ xi kitba ta’ Daphne, sew fit-ton u kif ukoll fis-sustanza. Huwa fatt magħruf li kellha filosofija liberali (imma ta’ veru, mhux tal-konvenjenza) u li ma kenitx xi fan kbira tal-Knisja. Iżda qatt ma kelli l-iċken dubju li diskussjoni serja u intelliġenti kienet l-aqwa – anzi, l-unika – reazzjoni valida għall-argumenti tagħha. Biex ma ngħidx li stajt ukoll ninjoraha; ħadd ma ġegħlni naqra kitbietha!

Ma’ dan, irridu nammettu li kellha wkoll preġji kbar: intelliġenza impressjonanti; kitba fina u taqta’ daqs l-aqwa sikkina; kuraġġ ta’ sur u tenaċità eżemplari hekk li kienet hi li żvelat ċerti stejjer li heżżu lil Malta u li ebda ġurnalist ieħor ma azzarda jmisshom, l-anqas mill-bogħod.

Imma evidentement mhux kulħadd jaħsibha hekk. Hemm min ħass li la l-pinna ta’ Daphne kienet skomda jew perikoluża, kellu jkissirha. U mhux qed nitkellem biss dwar l-assassini u min ħallashom; qed nitkellem ukoll dwar min feraħ bil-qtil tagħha. Tal-ewwel ikkawżaw il-mewt direttament; l-oħrajn ferħu b’xi ħaġa li ma kinux kapaċi jwettqu huma. Kodardi.

Dun Brendan M. Gatt huwa Vigarju Ġudizzjali Aġġunt.