Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

​Il-faqar, Dorothy Day, u Franġisku t’Assisi

Prof. John Baldacchino  -  05/10/2017 10:56

“Jien konvinta”, kitbet Dorothy Day, “li kieku nifhmu u nħobbu l-faqar insiru ħielsa u ferħana daqs San Franġisk, li kellu passjoni lejn is-Sinjura Povertà u li għadu jgħix magħna fil-faqar ħieni sa minn meta miet ħafna sekli ilu.”

Day mhix qed tiġġustifika jew tigglorifika l-faqar. Anzi, kif tiftaħ l-artiklu tagħha, Il-Faqar u l-Prekarjetà (fl-edizzjoni tal-Catholic Worker ta’ Mejju 1952) tistqarr mal-qarrejja tagħha li “l-faqar huwa ħaġa misterjuża” u huwa għalhekk li hemm bżonn li dejjem inkomplu niktbu u naħsbu dwaru.

Day tistqarr li għal ħafna, hija stramba li tgħid li għandna nixxenqu li nkunu fqar jew li nibqgħu fqar. “‘Tini ċans,’ tisma’ nies jgħidulek, ‘Ħalli l-ewwel inħallas id-dejn li għandi. Ħalli jkolli dak il-ftit li għandi bżonn. U mbagħad nibda naħseb dwar il-faqar u l-hena li jġib miegħu. Intant, jien m’għandi xejn aktar [ħlief faqar].”’

L-artiklu ta’ Day huwa diffiċli. Mhux għax miktub bi kliem tqil. Anzi Day kienet tikteb b’mod l-aktar sabiħ u aċċessibbli. It-toqol jinstab f’kif Day titkellem u tikteb dwar il-faqar. “Diffiċli tikteb dwar il-faqar meta fil-bitħa ta’ Chrystie Street għad hemm mitfugħa fil-ġemb muzell għamara li spiċċat fit-triq wara sfrattu fil-kerrejja tal-ġirien.”

Qed nikteb dan l-artiklu fil-festa ta’ Franġisku t’Assisi (l-4 t’Ottubru). Illum ukoll rajt u smajt żewġ intervisti ma’ sieħbi Charles Miceli, iċ-Chairperson tal-Alleanza kontra l-Faqar. Waħda fuq it-Times. L-oħra f’dan is-sit, Newsbook.com.mt. Charles, bħal dejjem ifakkarni f’Day. Fil-fatt hu ntroduċieni għall-kitbiet tagħha. U daż-żmien meta naqra lil Dorothy Day niftakar f’Charles, f’dak li jgħid, dak li jagħmel. Lil Charles ilni nafu ‘l fuq minn ħamsa u tletin sena. Iltqajt miegħu l-Union Press (kif kienu jsejħulha dak iż-żmien) meta kelli 19-il sena u kien hu li stedinni nibda nikteb f’It-Torċa. Sa llum għadni nikkorrispondi ma’ Charles. Wara li mort l-Ingilterra u bqajt hemm u mbagħad l-Amerika bħala akkademiku u ma ktibtx aktar fl-Istampa Maltija għal xi ħmistax il-sena, Charles kien ikkuntattjani u reġa’ ħajjarni nibda’ nikteb għal udjenza Maltija, u minn xi seba’ jew tmien snin ilu erġajt bdejt nagħmel dan.

Issa hekk kif it-tnejn xjaħna, u Charles forsi ħa naqra vantaġġ minni għax għandu dawk il-ftit snin iktar, jien bqajt inħossni ispirat minn għemilu u kliemu. U hekk kif smajtu dal-għodu, ftakart f’Dorothy Day, fil-faqar, u f’San Franġisk t’Assisi, għax b’kumbinazzjoni il-paġna tal-Klarissi fuq FB fakkritni li llum il-festa tiegħu. 

Bħal Day, Charles ma jibzax jitkellem fuq il-faqar. Imma bħal Day dak li jgħid Charles ifakkarni li dan mhux faċli. Dan mhux biss għax ħafna jaraw il-faqar bħala argument politiku, jew għax jibżgħu li jaqgħu fin-nassa partiġġjana ta’ “taħt liema gvern kien hemm l-aktar faqar?” (li huwa argument bażwi, għax l-ebda gvern ma jrid l-ekonomija tittiekel bil-faqar), imma għax ħafna ma jafux jitkellmu fuq il-faqar. Lanqas jafu minn fejn tibda’.

Ir-raġuni għaliex ħafna drabi ma rridux nitkellmu fuq il-faqar - la fil-kuntest imqaddes ta’ San Franġisk u wisq anqas fil-kuntest ta’ l-esperjenza tal-faqar bħala tali–hija għax il-faqar materjali ta’ ħaddieħor jirrifletti fuq il-faqar tagħna stess. U l-faqar tagħna huwa faqar li jixhed nuqqas ta’ għarfien u ta’ kuraġġ sabiex ngħamlu xi ħaġa radikali u effettiva. Dak li nsibu fina ħafna drabi hija l-biza’ li xi darba nistgħu nsiru fqar, u iktar minn hekk, biza’ li jekk naqgħu fil-faqar se nitilfu wiċċna u ġieħna, għaliex is-soċjetà tagħna ma tittollerax lill-fqir.

Dorothy Day u Franġisku t’Assisi jistednuna biex niġġieldu kontra din il-biża’. Day tikteb li din id-diffikultà ġejja minn kif il-misteru tal-faqar ħafna drabi narawh minn perspettivi li saħansitra jidhru innoċenti, diċenti, jekk mhux devoti. Hija devozzjoni li tagħtina kuxjenza safja–bħal meta il-kuxjenza tniggeż lili l-ewwel wieħed u meta nkun għaddej fit-toroq ta’ New York jew Madison, nitfa’ jdejja fil-but u nagħti xi dollaru jew tnejn lil dak jew dik  li dejjem ikunu qed jittalbu fl-istess kantuniera, xemx, silġ, xita, borra, u kulma jġib it-temp. 

“Irridu nitkellmu dwar il-faqar għaliex ħafna nies ma jarawhx (they lose sight of it) u qajla jemmnu li jeżisti.”

Day tkompli hekk: “Ħafna nies diċenti jiġu jżuruna u jgħidulna li l-familji tagħhom trabbew fil-faqar, u kif b’xogħolhom, b’mod onest u bl-għajnuna li taw lil xulxin, irnexxielhom jedukaw lill-uliedhom kollha u li taw lill-Knisja [ulied li saru] qassisin u sorijiet. Huma jammettu li s-saħħa, l-għemejjel u familja tajba ħarġuhom mill-klassi tal-faqar, minkejja dak kollu li kienu neqsin minnu meta kienu jgħixu fil-kerrejja.”

B’mod mhux anqas kontroversjali, Day tirrimarka: “Le, dawn ma jafu xejn dwar il-foqra. Il-kunċett tal-faqar tagħhom huwa safi u ordnat bħal ċella ta’ soru.” (“No, they don’t know about the poor. Their conception of poverty is something neat and well-ordered as a nun’s cell.”)

Day ma kinitx togħmod kliemha, daqs kemm ma kienx jogħmod kliemu Franġisku t’Assisi. Kliemha jinħass iebes u jaf iħallik konfuż. Għaliex qed tgħid hekk? Għaliex bħal qed tinsinwa li dawn in-nies twajba li ħarġu mill-faqar illum mhumiex jaraw, jagħrfu, jew jifhmu l-faqar ta’ ħaddieħor?

Ma naħsibx li Dorothy Day, għalkemm kienet mara b’ideat radikali, kienet qed tiġġudika lil xi ħadd. Jekk taqra l-kotba li kitbet dwar ħajjitha, issib li ma kienetx il-qaddisa tipika li nsibu fis-santi taċ-ċikwejra. Insibu li s-Serva t'Alla, Dorothy Day għaddiet minn kulma tista’ timmaġina. Day kienet bħal kulħadd u għamlet żbalji ħoxnin f’ħajjitha, inkluż l-abort. U sakemm mietet fl-1980 qatt ma nsiet jew ċaħdet dak li għamlet.

Forsi huwa għalhekk li l-Papa Franġisku ma jieqafx milli jfakkarna fil-ħajja ta’ Dorothy Day u jippreżentaha bħala role model mill-aqwa għal dawk li bħalha jsibu rwieħhom f’diffikultajiet serji fil-ħajja tagħhom. Kien għalhekk ukoll li meta ndirizza lir-Rappreżentanti u s-Senaturi Amerikani, il-Papa Franġisku semma lil Day u kkwota il-ġlieda tagħha għall-ġustizzja soċjali. 

Nażżarda ngħid li huwa f’dan il-kuntest li hekk kif Dorothy Day titkellem dwar il-faqar u l-kundizzjoni umana mill-perspettiva radikali tagħha, anke meta ddeċidiet li taħdem mal-fqar u tgħix magħhom bil-familja tagħha b’kollox, xorta ħasset li l-faqar diffiċli tikteb fuqu u tarah bħala misteru. Li jibqa’ fatt huwa li meta titkellem dwar il-faqar, Day qed titkellem mhux biss dwar il-bżonn li wieħed jifhem il-foqra b’mod intellettwali jew b’xi att ta’ fidi, imma li l-faqar għadna nħossuh b’mod fiżiku u fl-esperjenza tagħna.

Imma hawn nistaqsi lili nnifsi: Kemm-il persuna nistgħu nagħrfu f’dak li kitbet Day? Kemm hemm minna stess, li bħal dawn il-persuni twajba u devoti, ma nistgħux nifhmu eżatt x’qed jgħid meta Charles Miceli fl-intervista tiegħu mat-Timestalk jistqarr li m’ilux xi ħadd ċempillu u qallu li se jikkommetti suwiċidju għax ma jistax iħallas iktar kera?

Nistgħu verament nifhmu l-faqar? Nistgħu nempatizzaw mal-foqra? Jew huwa iktar faċli li niġġudikaw lill-fqir, anke meta forsi inħossuna xxurtjati għalkemm xi ftit ħatja fil-kuxjenza tagħna meta narawh fit-triq u ntuħ xi dollaru jew Ewru biex intaffu il-kuxjenza tagħna? Jew forsi malajr immoru nsibu skuża u ngħidu li l-fqar setgħu jevitaw il-kundizzjoni tagħhom jekk bħal missirijietna u ommijietna ħadmu bla heda u b’mod onest? Imma aħna fejn nafu għaliex dawn il-persuni waqgħu fiċ-ciklu tal-faqar? Hawn xi ħadd isir fqir minn jeddu? Bħal San Franġisk jew Dorothy Day?

Imma l-aktar mistoqsija li tinkwetani hija din: Għaliex is-soċjetà bħal donna tistmerr aktar lill-foqra milli lill-faqar fih innifsu? 

Prof. John Baldacchino

Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison.