Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

​Il-gideb, il-gidba u l-ħtieġa għas-sewwa

Nicholas Baldacchino  -  06/10/2017 09:00

Waqt il-kampanja elettorali Amerikana tas-sena l-oħra, staqsejt ħabib tiegħi Amerikan li nzerta kien f’Malta fuq btala x’differenza jara bejn Hilary Clinton u Donald Trump. Kien pront weġibni li “Clinton hija giddieba filwaqt li Trump hu gidba! It-tnejn li huma inqabdu jigdbu, mhux darba u tnejn, imma Trump hu speċjalizzat fil-gideb, huwa l-esponent ewlieni ta’ dik li qed tissejjaħ post-truth politics”.

Ma nafx kellux raġun mija fil-mija. Li hu żgur hu li bħal donnu qed ngħixu fi żmien fejn, kif iddeskriviet tant tajjeb ir-rivista influwenti Ingliża The Economist xi ftit tax-xhur ilu, il-gidba saret arti, saret konvenjent, u jekk tgħinek biex tasal fejn trid tasal, allura l-gidba mhux biss hija tajba imma hija neċessarja.

Li tgħid li l-politiċi xi kultant jgħawġu l-verità, ma tkun qed tgħid xejn ġdid; u li l-politiċi jgħajru lil xulxin li qed jigdbu hija parti mir-retorika tagħhom. Rajniha sseħħ fl-aħħar kampanja tal-elezzjoni ġenerali, u rajniha sseħħ b’mod aktar sottili fil-kampanja għall-ħatra tal-kap tal-Partit Nazzjonalista. Mhux dejjem intqalet il-verità, tant li fatti mgħawġa bdew jitpenġew bħala veri,  u dak li jidher ċar li hu verità tgħawweġ u ddawwar biex jidher li hu gidba.

Illum bħal donnu wasalna f’sitwazzjoni fejn naslu biex ngħidu li l-politiċi dejjem jigdbu, huma kollha giddieba, u allura m’hemmx x’tagħmel u għalhekk ma tantx jimporta jekk nħallu l-verità fil-ġenb.

U dan sfortunatament qed jiġri mhux biss fil-politika imma f’diversi oqsma oħra: il-post-truth tfisser li l-verità titpoġġa  fil-ġenb għall-konvenjenza, għax hekk jaqbel u għax hu sewwa li l-preġudizzji, it-tgħawiġ u l-ħrejjef jissaħħew. Għax hekk jaqbel!

Nagħti eżempju wieħed: Jingħad ta’ spiss l-immigranti “illegali” qegħdin ibiddlu u jfarrku l-fibra tal-kultura tagħna, qed joħdulna l-impjiegi tagħna, għada għad inqumu nsibu ruħna taħt il-ħakma Musulumana,  tħallatna, ara x’qed jiġri f’pajjiżi oħra! Imma dan kollu kemm hu mibni fatti?  Kemm minn dan kollu hu tgħawiġ u zekzik, prodott ta’  preġudizzji li ilhom preżenti fostna mijiet ta’ snin u li qiegħed jinforza l-istess preġudizzji?

F’dan ix-xenarju ta’ post-truth, il-ħass u l-emozzjonijiet, u mhux il-fatti, huma l-aktar importanti. U jekk tirribatti l-argument bil-fatti, it-tweġiba li tingħata hija li inti għandek opinjoni u jien għandi opinjoni. Bħal meta xjentist espert tan-NASA qal li l-probabiltà kbira hija li m’hemmx nies fuq il-pjaneta Mars, imma xi ħadd ieħor argumenta li hija mimlija aljeni. Hija kwistjoni ta’ opinjoni, mhux ta’ fatti, mhux hekk?!

Il-post-truth qed dejjem aktar tfaqqas f’ambjent fejn il-mezzi soċjali tal-kommunikazzjoni, il-Facebook u t-Twitter u l-blogs għandhom qawwa enormi biex il-gideb, l-għajdut u z-zekzik jinfirxu b’veloċità enormi. Gidba jew zekzika kapaċi aktar titwemmen meta ġiet shared fuq Facebook milli kieku ġabha sors serju ta’ media konvenzjonali. La nkitbet fuq Facebook, la qalha dak jew dik, (“ħeqq dak jidhirli li hu serju!”) allura opinjoni jew agħar minn hekk gidba jew zekzika, mal-ewwel saret verità.

Appell lill-politiċi, lill-mexxejja tas-soċjetajiet ċivili, lil dawk responsabbli minn istituzzjonijiet kostituzzjonali, governattivi u amministrattivi: taqgħux għan-nassa tal-post-truth imma ibnu ambjent ta’ pro-truth! Iddefendu dak li hu vera u nobbli. Tiddejqux tammettu meta żbaljajtu. Tippruvawx tgħattu l-iżbalji tagħkom bil-gideb. Doża ta’ umiltà hija neċessarja u tiswa wkoll fil-politika u f’kull qasam ieħor. Bil-verità jaqblilkom. Is-soċjetà post-truth tidher li tawwlet xi ftit l-għomor tal-giddieb, imma ma tistax tagħmlu etern.

L-istituzzjonijiet legali għandhom iħaddmu sewwa l-mekkaniżmi tagħhom biex jistabilixxu l-verità bħalma għandhom jagħmlu l-ġurnalisti serji. Għax ma nistgħux inħallu l-baħar ta’ gideb jgħarraqna u jgħoddosna aktar ‘l isfel. “Is-sewwa jirbaħ żgur” m’għandux ikun slogan konvenjenti politiku imma missjoni tagħna lkoll.