Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Għażż intellettwali kollettiv

Prof. John Baldacchino  -  13/11/2017 09:58

Kienu jgħidu li “Malta fior del mondo.” Imma naħseb li l-ward ilu li tbiel. Aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed issir diffiċli tikteb dwar Malta u s-soċjetà Maltija. Dan mhux għax qabel kien faċli jew għax kif hawn min qed jgħid, Malta ma għadhiex l-istess sa mit-traġedja ta’ erba’ ġimgħat ilu.

Il-fatt li llum qed nitkellmu fuq ġustizzja, akkontabilità, “Saltna tad-Dritt” u issa ħafna qed jgħajtu sabiex issir bidla Kostituzzjonali, ma jixhidx li l-affarijiet inbidlu, imma li kellha tkun traġedja tal-waħx sabiex illum ħafna qed jgħidu dak li wħud minna konna ilna ngħidu tul għexieren ta’ snin, meta ħadd ma ta każna.

Id-diffikultà tal-espressjoni f’Malta mhix ikkawżata minn xi biża’ li jitfgħuk il-ħabs. Il-“ħabs” Malti huwa intellettwali u spiritwali, u bħal fi żmien Manwel Dimech, huwa awto-impost għax il-biża’ ġejja mis-soċjetà nfisha. Dan għax l-akbar biża’ hi li tispiċċa ttimbrat ma’ tribu jew ieħor, Laburist jew Nazzjonalist.

Fi kliem ieħor, ħames mitt sena wara r-Riforma li llum rat Kattoliċi u Protestanti madwar id-dinja jiċċelebraw flimkien lil Luteru wara sekli ta’ stmerrija u mibgħeda bejniethom, f’Malta tas-seklu 21 għadna lanqas aħna kapaċi nibdew konversazzjoni sura ta’ nies.

Meta mbagħad ma jkunx hemm skuża biżżejjed biex jgħajruk Laburist jew Nazzjonalist, se ssib li jibdew jippruvaw jitfgħuk f’xi garżella oħra. Sa minn meta kont żagħżugħ, għadni spiss nispiċċa ttimbrat Marxist. Illum anke il-Papa Franġisku qed jgħajruh Marxista. Għallinqas jekk ommi tistaqsini ma’ min nagħmilha, nista’ ngħidlha li qed nagħmilha ma’ Jorge Bergoglio!

Biex tagħqad, id-diskors ta’ żogħżiti kien meqjuz wieħed ta’ “odju tal-klassi” jew inkella ġennata soċjalista u komunista. Dan għax l-argument kien (u għadu) li s-soċjeta ma tistax taqsamha vertikalment bejn xi tribù partiġġjan u ieħor, imma orizzontalment: bejn min bi flusu għandu biżżejjed biex jiddetta, u min la għandu vuċi u wisq anqas poter, għax irid jaqlagħha u jiekolha. B’hekk illum ma nistax ma nitbissimx (forsi bi frustrazzjoni) meta nisma’ u nara lil xi wħud (li dak iż-żmien kienu jgħidu li aħna imġienen) illum qed jgħaqqdu l-ponn u jgħidu li huma kontra l-Establishment. 

Iż-żifna tribali baqgħet mhix mittiefsa. Anzi qed narawha tiżdied, għalkemm qed tieħu suriet iktar eżotiċi. F’Malta ta’ llum, għalkemm għandna kultura tal-penthouses, ġlekkijiet, u ngravati b’kuluri pastell (mhux ħomor jew koħol jgħajjtu), l-affarijiet fil-verità ma nbidlux. Ma nbidlux anke meta hemm iktar flus fil-but, u mhux biss nieklu iċ-ċikkulata Mars legalment, imma għandna ħelu u ikel ta’ kull kwalità biżżejjed biex insiru l-aktar nazzjon b’obesità fl-Ewropa.

Illum li ż-żewġ partiti tawna ekonomija msaħħa mill-financial services u l-e-gaming, xorta għadna ngħidu “aħna” u “huma” f’kull okkażjoni li nsibu, sew f’Malta u kif ukoll f’kull fejn jagħtuna vuċi “sħabna” l-Ewropej tal-EPP jew S&D. L-akbar traġedja hi li ċ-ċaċcarunati partiġġjani huma fl-istint ta’ ħafna li suppost qegħdin hemm biex jagħtu eżempju. Fuq is-social media naqraw pastażata wara l-oħra kontra kulħadd u f’kull direzzjoni. Kuljum se ssib tkattir u tpartit ta’ oxxenitajiet sessisti, klassisti, omofobiċi, razzisti li forsi se jgħaġġbuk jekk temmen li l-Maltin “immaturaw” politikament, kif iħobbu jfakkruna il-politiċi maħbuba tagħna.

F’din il-kakofonija kollha, dawk li jippruvaw b’kull fibra ta’ moħħhom u ġisimhom jaraw l-istampa l-kbira qed isibu xogħolhom ħafna iktar diffiċli minn qabel. L-ikbar ostaklu huwa dak li jsejħulu “riduzzjoniżmu”.

Ir-riduzzjoniżmu huwa metodu li fis-sens tajjeb u oriġinarju tiegħu huwa intiż sabiex jiċċara sitwazzjonijiet kumplessi. Dan il-metodu ta’ raġunar jibda’ billi nirriduċi sitwazzjoni kumplessa fi ftit premissi, jew prinċipji. Issa sa hawn mhemmx problema. Il-problema tiġi meta wħud (jekk mhux ħafna) jinsew li meta tirriduċi sitwazzjoni kumplessa f’termini sempliċi biex tipprova taqbad tarf, ma tistax tibqa’ hemm. Jekk tibqa’ fl-istadju ridott u tibda temmen li dawn il-prinċipji huma il-verità kollha, allura l-argument se jaqa’ għax se jibqa’ nofs leħja, u jkun aħjar kieku ma rriduċejt xejn.

Wara li wieħed jirriduċi sabiex jipprova jifhem jew jassumi xi forma ta’ punt tat-tluq fl-argument tiegħu, irridu mbagħad nerġgħu mmorru lura fil-kumplessità. B’dan il-mod nibdew nifhmu li dak li bdejna bħala argument riduttiv huwa biss mekkaniżmu biex nifhmu li fil-fatt din kienet spekulazzjoni li għallmitna kif inħarsu lejn l-istampa l-kbira b’mod iktar analitiku.

Il-problema f’Malta, speċjalment kif rajna f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat, hi li l-argument jitħalla nofs leħja u r-riduzzjoniżmu tant isir palpabbli li xi ħadd bħali, li sikwit jipprova jifhem billi jikteb fehmtu, spiċċajt immutat għax ma stajt ngħid xejn li hu xejn. Dan mhux għax ma kellix opinjoni, imma għax bżajt mill-opinjoni tiegħi stess u għaliex kont naf li mhijiex biżżejjed. Fi kliem ieħor ma ridx inżid fil-kor tal-konfużjoni.

Għal kuntrarju ta’ dawk li riedu janalizzaw u jifhmu x’qed jiġri, kien hemm minn iddeċieda li jirriduċu kollox f’prinċipji (ħafna drabi iddubbati mill-parrini politiċi tagħhom), u bi ħġarhom ħarġu jinsistu li huma għandhom raġun u mhux dawk ta’ kontra.

Issa hawn se tistaqsu: Allura nibqgħu siekta u ma ngħidu xejn? Xejn affattu. Tista’ tkun sieket għal raġiuni serja u razzjonali: sabiex tifhem. Imma tista’ wkoll tibqa’ sieket għal raġunijiet oħra jew għax forsi tibza’ tiftaħ ħalqek għax jaqbżu fuqhek dawk li għandhom palk, megafonu, xi blogg, Twitter jew Facebnook, u jaħsbu li tant għandhom vuċi akbar u iktar importanti li meta xi ħadd ma jaqbilx magħhom, jirredikolawh u jixluh mal-erbat irjieħ.

L-unika mezz biex insibu forom ta’ djalogu huwa li ma naċċettawx argumenti nofs leħja u riduzzjonisti. Imma f’Malta dan jinstema’ bħala lussu għax il-fenomenu tal-għażż intellettwali kollettiv kiber u mhux naqas.  

L-għażżien intellettwali mhijiex il-persuna li mhix meqjusa “tal-iskola”. L-għerf ma jiġix mill-kwalifiki. Naf ħafna li għandhom l-ogħla kwalifiki imma li huma għażżenin intellettwalment. Mill-banda l-oħra, naf, napprezza, u nħobb persuni ġenerużi u għorrief fil-veru sens tal-kelma li ma waslux aktar minn skola sekondarja imma li huma persuni intelliġentissmi, kreattivi, versatili u li jispirawk.

L-għażż intellettwali li ħakem ħafna soċejtajiet, inkluża dik Maltija, jiġi minn individwaliżmu li bih qed nippromwovu ekonomija tal-iskart—kif isejħilha il-Papa Franġisku. Iktar minn qatt qabel, fl-Ewropa u lil hinn minnha, illum għandna élites finanzjarji appoġġjati minn klassi politika b’mentalità maniġerjali-kwalunkwista. Għalkemm issib Partiti jitqatlu bejniethom—bħalma għandna Malta—effettivament dawn qed jiġġieldu mhux fuq prinċipji ta’ differenza soċjali jew ekonomika, imma fuq bażi ta’ poter.

Illum qed nisimgħu politiċi jitkellmu fuq governabilità, is-Saltna tad-Dritt u ħafna diskors li meta kien hemm min serjament ried li tinbidel il-Kostituzzjon, dawk li kienu qed isaltnu mis-siġġijiet taż-żewġ tribujiet tagħhom, injurawhom. Mhux biss kienu injurati imma wkol redikolati minn dawk li llum jistħajlu lilhom infushom li huma xi Danton jew Che Guevara.

Fl-aħħar mill-aħħar l-għażż intellettwali huwa imkattar fil-poplu stess. Il-politiċi jħobbu jiġġieldu fuq min qed iġib l-aktar ġid, filwaqt li jinsew il-faqar. B’hekk fl-għażż intellettwali kollettiv tagħhom ħafna lanqas jindunaw li qed nagħmlu ħsara kbira lil xulxin billi nisħqu u nikkustinjaw dwar kif “nagħmlu l-ġid”.  Il-paradoss tista’ tmissu b’idejk.

Illum issib min jgħajjat li anke jekk tgħid li trid l-għaqda effettivament trid il-firda. Għandek min jgħajjat favur id-demokrazija, imma ma jridx jaċċetta li f’demokrazija trid ukoll tisma’ minn dak li qed jgħidu dawk li ma jaqblux miegħek. Fl-istess waqt hemm min iġebbed id-demokrazija f’isem l-istess “poplu”, bħallikieku il-poplu jew is-soċjetà ċivili huma dawk ta’ madwarek biss. Issib nies li dejjem kienu pprivileġġjati u li fin-nuċċali pprivileġġjat tagħhom lanqas jindunaw li ideoloġikamen kienu huma stess li dejjem sostnew u għadhom isostnu l-istess struttura klassista li issa qed jitkażaw bin-natura korrotta tagħha.

L-ironiji u l-kuntradizzjnonijiet li waqajna fihom mhumiex tad-daħk daqs kemm huma tal-waħx u l-biki. Jidher li ma tgħallimna xejn mill-passat u mhux biss aħna kkundannati biex inkomplu nirrepetuh, imma bħal donnu irridu nirrepetu il-passat tagħna u nuru bi ħġarna kemm aħna għażżenin.

U mbagħad nieħdu għalina għax xi “barrani” jiskandalizza ruħu, meta l-ħmieġ illum huwa globali, kif inħobbu nfakkru lil xulxin meta nikkwotaw (ħafna drabi kif jaqbel lill-karru tribali rispettiv ta’ dak li jkun) lis-Swiss Leaks, il-Panama u l-Paradise papers.

Prof. John Baldacchino

Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison.