Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Poplu ma jridx aktar ħdura u mibegħda...

Dr Alex Saliba  -  06/11/2017 10:27

Matul dawn l-aħħar ġimgħat għażilt illi nibqa ftit sieket u nżomm pass lura milli nikteb il-ħsibijiet tiegħi fuq dak illi kien għaddej madwarna. Għamilt dan għal diversi raġunijiet, b’dik primarja tkun illi xtaqt nikkalma r-rabja tiegħi qabel inħarbex l-ewwel ħsibijiet tiegħi fuq dan il-blogg.

Iddispjaċieni mhux ftit nara l-attakk fuq ħajjet Daphne Caruana Galizia jiġi ppolitiċizzat minn Oppożizzjoni mifnija b’nofs miljun problema interna, għatxana sabiex tirbaħ ftit punti politiċi billi tħammeġ isem pajjiżna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Iddiżgustajt ruħi nara l-fazzjoni Nazzjonalista mmexxija mill-“establishment” ta’ Simon Busuttil tipprova tirbaħ il-ġlieda interna tagħha kontra Adrian Delia billi tinqeda bl-aktar mod viljakk u sfaċċat mid-demm ta’ Caruana Galizia.

Il-paladini Nazzjonalisti illi jippontifikaw tant illi f’pajjiżna għandna xi kriżi istituzzjonali u li s-saltna tad-dritt tinsab taħt theddida qed jagħmlu minn kollox sabiex ikunu huma stess illi bl-aktar mod maħmuġ u meskin juruna x’verament tfisser meta tmur kontra r-rieda tal-mġġgoranza illi għadha kemm ġiet espressa ftit tal-ġimgħat ilu. L-istess Simon Busuttil, Karol Aquilina, Jason Azzoppardi u Beppe Fenech Adami qed jagħmlu minn kollox sabiex permezz tal-iżolament ta’ Adrian Delia minn kull attività organizzata mill-hekk imsejħa soċjetà ċivili jieħdu vantaġġ politiku fl-istrutturi interni tal-Partit Nazzjonalista. Jekk tant jemmnu fid-demokrazija, għalfejn Simon Busuttil u sħabu mhux jaċċetaw ir-rieda ta’ eluf ta’ tesserati Nazzjonalisti illi b’vot demokratiku eleġġew lill Adrian Delia bħala kap tal-Partit Nazzjonalista?

Komplejna naraw il-Partit Nazzjonalista u l-akkolti tiegħu reġgħu xegħlu l-fjamma...il-fjamma ta’ attakki insensati fuq pajjiżna u l-ekonomija tagħna, fjamma illi matul l-aħħar kampanja elettorali spiċċat f’ħuġġieġa illi għodda qerdet għal kollox lill Partit Nazzjonalista. Jidher però illi l-Oppożizzjoni ma tgħallmet xejn mir-riżultat elettorali ta’ 5 xhur ilu. Reġgħu komplew l-intervisti minn deputati u esponenti Nazzjonalisti ma’ kmamar tal-aħbarijiet barranin fejn saħansitra għażlu illi jiddeskrivu lill pajjiżna bħala “mafia state” u pajjiż tat-tielet dinja fejn l-istituzzjonijiet ma jaħdmux u li f’din l-għażiża Malta tagħna tirrenja biss il-liġi tal-ġungla. Erġajna rajna d-doża ta’ kattiverja kontra pajjiżna illi reġgħat ġiet injettata mill-ewroparlamentari nazzjonalisti fejn għal darb’oħra erġajna qed naraw il-Grupp tal-Popolari Ewropej f’attakk ikkordinat kontra Malta u l-Gvern tagħna illi saħansitra fi kliem l-istess grupp tal-popolari dan għandu jirriżenja. Ċiss hej kemm jemmnu fil-proċessi demokratiċi u r-rieda tal-maġġoranza d-demokristjani ewropej!

Rajna xeni ta’ għajb kontra l-forzi tal-Ordni ta’ pajjizna quddiem id-Depot tal-Pulizija fejn waqt  attvitajiet organizzati mill-klikka ta’ Simon Busuttil u l-Fenech Adamijiet tkantaw għad- dillirju tal-folla tgħajjir u offiżi fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Skantajt mhux ftit nara qalb il-folla lil Fr Joe Borg, suppost rappreżentant tal-Knisja ta’ Kristu jiddieħak u jieħu pjaċir ikanta minn taħt l-ilsien, mingħajr ebda mistħija ta’ xejn, illi l-Kummisjarju huwa “purċinell” filwaqt illi tfajla quddiemu kellha kartellun fejn kienet qed tibgħat jieħduh lill membri kollha tal-korp tal-pulizija. Din hija l-imħabba illi Fr Joe Borg jippontifika tant illi għandna nuru lejn il-proxxmu tagħna?

Ħsara lill għajri ma rrid qatt u l-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jiġi kkundannat dejjem u f’kull waqt għaliex dan kien attakk dirett kontra l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna. Minix ser ninħeba wara subgħajja, Daphne Caruana Galizia ma kinitx u mhi qatt se tkun xi eroj għalija. Għalija Daphne kienet persuna li kkundizzjonatli iż-żgħożija tiegħi, persuna illi minħabba l-attakki personali tagħha, attakki illi kont soġġett għalihom f’aktar minn okkażjoni waħda, ġgħalitni noqgħod dejjem b’seba’ mitt għajn għal kull ritratt illi jittella’ tiegħi fuq il-midja soċjali u għal kull ma’ min nidher miegħu fil-pubbliku.  Il-pinna tagħha dejjem rajtha bħala waħda klassista, feroċi, aggressiva u kattiva. Għalkemm qatt ma kelli l-ebda ammirazzjoni lejha, xorta waħda qatt ma xtaqtilha deni u tnikkit bil-bosta meta smajt bl-attakk viljakk fuq ħajjitha. Tnikkit għaliex l-attakk fuq Daphne kien attakk fuq pilastru fundamentali tad-demokrazija ta’ pajjiżna, dak tal-libertà tal-espressjoni.

Sfortunatment l-omiċidju ta’ Daphne kompla jġib aktar qasmiet fost il-poplu tagħna. Segwejt b’dieqa l-fatt illi wara li l-Gvern iddikjara l-jum tal-Ġimgħa bħala ġurnata ta’ luttu nazzjonali l-familja ta’ Caruana Galizia ċaħdet il-preżenza tal-President ta’ Malta waqt l-istess funeral. Irridu aħna lkoll inpattu għal xeni bħal dawn billi nkomplu noħorġu l-id tal-ħbiberija. Ejjew nirrikambjaw il-ħars u l-kummenti ta’ mibegħda b’messaġġi favur aktar għaqda nazzjonali.

Il-Poplu Malti mhux ħdura u mibegħda kontra isem pajjiżna jrid iżda aktar ġid u progress. Dan ħareġ bl-aktar mod ċar f’numru ta’ surveys illi ġew ippublikati l-bieraħ fejn intwera bl-aktar mod ċar illi l-maġġoranza assoluta tal-poplu għandha fiduċja totali kemm fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u kif wkoll fil-Gvern imexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Sadanitant l-istess surveys komplew juru illi l-poplu kompla jiskredita l-politika tal-għira u l-mibegħda illi kompla għaddej biha l-Partit Nazzjonalista fejn minn wara l-elezzjoni ġenerali ‘l hawn jidher illi d-distakk bejn il-Partiti llum qed jaqbeż l-ammont ta’ 75,000 vot! 

Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.