Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Il-Knisja, l-Arċisqof u l-Partiġġjaniżmu

Dr Alex Saliba  -  04/12/2017 10:13

Sa minn tfuliti dejjem smajt u qrajt fuq il-persekuzzjonijiet li affaċjaw missirijietna fis-snin sittin. Persekuzzjonijiet politiċi li diversi Laburisti ta’ fidi nisranija qawwija u soda kienu qed jaffaċjaw għaliex baqgħu sodi u fermi fiż-żamma tal-prinċipji politiċi tagħhom. Laburisti bħal Guże’ Ellul Mercer, Lisa Zammit u Toninu Caligari fost ħafna oħrajn illi għalkemm kellhom fidi qawwija u soda, u għexu sal-aħħar mumenti ta’ ħajjithom fil-biża’ t’Alla spiċċaw irreġettati u umiljati mill-knisja tant illi ndifnu f’art mhux ikkonsagrata, art magħrufa aħjar bħala l-miżbla. Smajt u fortunatament qatt ma għext stejjer ta’ tfal li ma kienux jingħataw is-sagramenti għaliex il-ġenituri tagħhom kienu ta’ fehma Laburista. Familji illi dejjem għexu skond it-tagħlim nisrani illi għaliex kienu Laburisti, il-qassis tar-raħal kien jaqbeż il-bieb tagħhom waqt it-tberik.

Għext tfuliti u żgħożiti nisma’ biss dawn l-istejjer illi jnisslulek f’qalbek sens ta’ dieqa u dwejjaq, iżda f’moħħi dejjem għidt illi din kienet paġna kerha fl-istorja ta’ pajjiżna, episodji tal-passat riċenti illi ġabu qasmiet kbar fost il-familji tagħna, qasmiet mibnija fuq preġudizzji, ħdura u mibgħeda lejn il-proxxmu. Għext fi-żelu u l-imħabba tal-Arċisqof Mercieca, saċerdot twajjeb illi f’għajnejja dejjem rajtu bħala mexxej illi prova jġib l-għaqda fil-pajjiż, għaqda wara tant snin ta’ firda u esklużjoni soċjali. Għext fl-imħabba illi kienet toħroġ b’mod kontinwu minn fomm l-Arċisqof Pawlu Cremona, ragħaj twajjeb illi qatt ma daħal fl-ebda battibekk politiku. Arċisqof li dejjem iddefenda t-twemmin tal-knisja iżda qatt ma rifes fl-arena tal-politika partiġġjana.

Il-knisja għandha d-dmir illi titkellem u tiggwida lill-poplu tagħha lejn il-valuri tal-ġustizzja u l-verità, valuri illi biss biss sidna Ġesu Kristu għex u bena ħajtu madwarhom. Il-Knisja u l-mexxejja tagħha però għandhom joqogħdu attenti illi ħadd ma jipprova jinqeda b’dawn il-valuri sabiex imexxi ‘l quddiem l-interessi politiċi partiġġjani tiegħu. Fil-ħajja hija dejjem ħasra illi mat-tajjeb jeħel il-ħażin, hija ħasra illi minħabba ftit lajċi u saċerdoti illi qed jinqdew bl-għodda tal-knisja biex imexxu ‘l quddiem l-aġenda partiġġjana tagħhom qed jispiċċaw inessu l-ħafna ġid illi diversi strutturi u persuni oħra fil-knisja qed jagħmlu fi ħdan is-soċjetà tagħna.

Illum il-maġġoranza tal-poplu minflok qed titkellem fuq il-ġid illi qed jagħmlu d-diversi lajċi u saċerdoti fl-iskejjel tal-knisja, fid-djar tal-anzjani u ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali spiċċat titkellem fuq il-bias politiku tal-knisja, bias illi qed joħroġ bl-aktar mod ċar u inekwivoku mill-programm politiċi imxandra ta’ kuljum fuq l-istazzjon RTK u mill-ħafna artikli illi qed jidhru fuq dan in-newsportal. F’ għajnejn il-maġġoranza tal-poplu, il-knisja illum spiċċat estensjoni propogandistika tal-Partit Nazzjonalista, b’Arċisqof illi sfortunatament b’mod ripetut baqa’ jidħol f’kontroversji partiġġjani inutli illi qed ibiegħdu lill-merħla mit-tagħlim u l-valuri illi verament jagħmluna parti mill-familja ta’ Kristu.

Daqs kemm ma naqbilx mad-diskors partiġjan ta’ Fr Joe Borg, daqstant ieħor ma naqbilx ma minn jiġġeneralizza u jitfa’ lir-rappreżentanti kollha tal-knisja f’keffa waħda. Ma naqbilx mal-klima ta’ firda illi sfortunatament qed tinħoloq madwar il-knisja. L-animu wara dawn il-ħsibijiet huwa wieħed, dak illi nwassal messaġġ lir-rappreżentanti tal-knisja sabiex ma jkomplux iweġġgħu aktar Maltin bi kliemhom. Il-messaġġ tiegħi huwa indirizzat lejn l-Arċisqof Charles Scicluna sabiex jevita illi bi kliemu jbiegħed aktar Insara mid-dar t’Alla. Messaġġ sempliċi sabiex ma jippermettix lill min jinqeda bl-għodda tal-knisja sabiex ikompli jġib aktar firda fi ħdan is-soċjetà tagħna.

Pajjiżna għandu bżonn knisja b’saħħitha illi tkompli taqdi u tmexxi ‘l quddiem it-tagħlim ta’ Kristu, tkompli tmexxi ‘l quddiem il-valuri tas-solidarjetà mal-proxxmu tagħna, it-tagħlim fost it-tfal tagħna u tkompli tkun ħajt ta’ kenn għal dawk illi jħossuhom emarġinati fis-soċjetà tagħna. L-Arċisqof Scicluna bħala ragħaj spiritwali tagħna għandu jaħdem sabiex kullħadd iħossu komdu jipprattika t-twemmin nisrani tiegħu. Il-knisja m’għandha qatt tispiċċa każin politiku, il-knisja m’għandha qatt terġa tirrepeti l-iżbalji tal-passat u toħloq perċezzjoni ta’ bias politiku fil-pajjiż. Il-knisja m’għandha qatt tispiċċa estensjoni tal-ebda partit politiku fil-pajjiż!

Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.