Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Mitra komda, baklu ħafif

Dun Brendan M. Gatt  -  04/12/2017 19:20

Missierna San Pawl jgħid: “min jixtieq ix-xogħol ta' isqof jixtieq xogħol sabiħ.”(1 Tim 3, 1) Issa, peress li f’pajjiżna għandna sitwazzjoni kemmxejn partikolari, ħejjejt naqra ta’ manifest tal-Arċ/Isqof ideali għal Malta u Għawdex. Ftit punti prattiċi meħudin minn dak li jintqal fil-każini u s-sagristiji, fl-istatuses fuq facebook u l-kummenti taħt il-blogs, fl-ittri lill-gazzetti u fil-phone-ins tar-radju. Jekk jimxi fuqhom, l-episkopat tiegħu ikun xogħol sabiħ għalih u joffri ħajja komda għalina l-Insara.

Ħallikom mill-Vanġelu; il-kelma ċavetta għal min jixtieq jilbes il-mitra u jġorr il-baklu f’pajjiżna trid tkun “popolarità”. Iktar ma jċapċpulu u jgħidu “Kemm hu orrajt!”, hemmekk inkunu lħaqna l-iskop aħħari tagħna: il-kuntentizza tal-erwieħ. Mela, mingħajr xi ordni partikolari, hawn hija l-lista ta’ suġġerimenti għall-Mexxej Spiritwali ideali għal Malta u Għawdex.

  • Jiddedika l-biċċa l-kbira ta’ ħinu jiċċelebra ħafna purċissjonijiet u quddies sbieħ fil-katidrali u fil-knejjes madwar pajjiżna. Naqra xemgħa u inċens jinżlu għasel. Wara kollox, bħalma jgħidulna, il-Knisja fis-sagristija postha, mhux fit-toroq.
  • Tajjeb li jkun jinqala’ biex jagħmel omeliji sbieħ, kollhom ċajt, li jgħollu l-moral u jserrħu l-kuxjenza. Importanti: jevita kemm jista’ li jsemmi l-Kmandamenti (u l-infern!), għax dawk m’għadhomx moda.
  • Iżur kemm jiflaħ każini, jiftaħ ħafna wirjiet u jippatroċinja bosta kunċerti; u ovvjament jieħu b’idejn dawk kollha li jiltaqgħu miegħu, jidħkilhom, itaptpilhom fuq daharhom u jgħidilhom “Għandek raġun” għal kulma jgħidulu. Importanti li ma jmeri lil ħadd, u ma jurix li ma jaqbilx dwar xi ħaġa (iktar u iktar jekk tkun ħaġa serja), ma jmurx jieħdu għalihom jew jitnaffru.
  • Iżur il-festi u lin-nies tar-raħal jitbissmilhom, ixejrilhom, u jfaħħrilhom il-qaddis jew il-qaddisa tagħhom. B’hekk ikollu garanzija li jċapċpulu u jieħdu gost. Ovvjament importanti li ma nippruvawx napplikaw il-virtujiet tal-qaddisin tal-imgħoddi għall-ġurnata tallum. Dawk għal żmienhom kienu tajbin; illum differenti, trid taħdem b’moħħok! Meta l-Mulej qalilna nkunu “melħ tal-art” ma ridniex inkunu melħa. Għall-grazzja t’Alla m’għandniex xi parroċċa ddedikata lil San Tumas More jew lill-Arċisqof Romero, għax dawk rifsu l-kallijiet ta’ nies b’saħħithom, u aħna kallijiet ma rridux nirfsu.
  • Iħalli lill-qassisin, lir-reliġjużi, lill-parroċċi u lill-għaqdiet tal-Knisja jfendu għal rashom mingħajr ma jindaħlilhom wisq. Qas ħaqq tinbagħad minn dawk li trid mingħandhom, mhux hekk?!
  • Jevita akkost ta’ kollox li jitkellem dwar suġġetti kontroversjali u kwistjonijiet morali jew ċivili. Temi jaħarqu bħal żwieġ u familja, edukazzjoni u ħarsien tat-tfal, abort u ewtanasja, droga u vjolenza, l-ambjent, id-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett lejn il-foqra, id-dinjità tal-immigranti u r-refuġjati, eċċetra [Din il-lista tista’ tiżdied skont il-moda tal-mument]. Dawn kollha trid taħrabhom daqs il-bard ta’ Jannar, għax in-nies jiddejqu meta nsemmuhom. L-aħjar jitkellem biss fuq temi ħfief li ma jdejqu ‘l ħadd bħall-mużika u l-arti, it-temp, l-isports, u l-ħarsien tal-annimali għax dawk kulħadd iħobbhom. L-għasafar aħjar jevitahom imma; dawk jgħoddu mal-ħwejjeġ kontroversjali.
  • Jegħleb kwalunkwe tentazzjoni li jsejjaħ għall-integrità ta’ dawk li għandhom xi forma ta’ awtorità jew poter. L-irjus kbar qegħdin hemm biex inbaxxu quddiemhom u nselmulhom meta niltaqgħu magħhom fiċ-ċerimonji: nidħkulhom, nieħdu r-ritratti magħhom, naċċettaw xi donazzjoni u nħalluhom ibusulna ċ-ċurkett jekk iridu. Imma jekk ma jġibux ruħhom b’kontabilità u serjetà, ħallihom jagħmlu. Mhux il-poplu għażilhom? Kuntent hu, kuntent kulħadd!
  • Fuq kollox – din importantissma – iżomm SEBA’ MITT MIL bogħod mill-politika; ma jmurx inaffar lil xi ħadd u joqogħdu jxewxu kontrih fil-programmi tar-radju jew jinsultawh waqt Xarabank. Malajr jakkużawh bl-agħar dnub: jiġifieri li qed jagħti lil Alla dak li hu ta’ Ċesri! Ma jmurx lill-poplu ndaħħlulu xi feles ta’ dubju dwar jekk il-pożizzjoni li ħadu l-maħbubin partiti tagħna fuq xi suġġett taqbilx mar-rieda t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja.

Jekk isegwi dawn il-ftit linji gwida, l-Arċ/Isqof ideali jevita li jdejjaq lin-nies, għax aħna ma rridux gdiedem. Inkella faċli jhedduna li ma jiġux iktar quddies u li ma jħallux dawk il-ftit ċenteżmi fil-kopp. U forsi jhedduna li jagħmlulna xi ħaġa agħar ukoll, u dik żgur ma rriduhiex; il-martri għadda żmienhom: dawk fil-paniġierċi dwar l-imgħoddi posthom, mhux fit-toroq tallum!

“Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li m'huwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ m'humiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom.” (Ġwanni 10, 11-12)

Dun Brendan M. Gatt huwa Vigarju Ġudizzjali Aġġunt. 

Ritratt: Ian Noel Pace