Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Miraklu għall-Maltin

Prof. John Baldacchino  -  06/12/2017 20:54

X’kien jiġri kieku San Pawl spiċċa fuq ix-xtut Maltin f’dan iż-żmien fejn kulħadd għandu aċċess għall-midja soċjali?

Immaġinaw meta Pawlu u sħabu jaslu fuq xtutna f’kuntest bħal dan. Konna nsibuh fost nisa u rġiel mill-Lvant Nofsani, probabbli fuq dgħajsa tas-salvataġġ imkissra, kważi bla ħwejjeġ (għax nafu li jekk taqa’ fil-baħar il-ħwejjeġ huma l-ewwel ħaġa li trid tneħħi jekk ma tridx tispiċċa fil-qiegħ), nofshom mejtin, jirringrazzjaw lill-ħanin Alla li sabu xatt għall-kenn.

U la spiċċaw fuq xtutna, żgur li se jkun hemm kotra tara x’qed jiġri. Uħud kurjużi. Uħud jiġbdu l-video u jirrapurtaw dak li qed jaraw immedjatament. U xi wħud imorru jiġru jgħinu lil dawn l-imsejkna.

Imma xi ħadd jew xi gazzetta onlajn se jikkummenta li fost dawk li salvaw hemm għadd ta’ priġunieri. Mela issa l-istampa nbidlet. Dawn l-imsejkna saru kriminali mil-Lvant Nofsani.

Kif insibu fl-Atti tal-Appostli, il-Maltin laqgħu lil Pawlu u sħabu b’ċerta kortesija. Għalkemm fost il-Maltin tal-lum għad hemm kortesija ġenwina, nafu wkoll li din hija kundizzjonali fuq x’jingħad u x’jizzekzek fuq il-midja soċjali u l-gazzetti. Dak li hu fatt għalik mhuwiex bilfors fatt għalija. Hemm min ma jridx fatti, imma ċirkustanzi u opinjoni. Dan huwa biżżejjed għal uħud biex jiddeċiedu huma x’inhi l-verità. U se jkun hemm min jemminhom u jaqbel magħhom. Fil-każ ta’ Pawlu u sħabu, il-kortesija mal-ewwel iddaħħlet f’dubju serju hekk kif Pawlu kien qed jitfa’ l-ħatab fin-nar u gidmitu dik l-imbierka lifa.

Il-problema għal Pawlu u sħabu minnufih saret kritika. Il-Maltin mill-ewwel qalu li dawn it-talin mhux biss huma kriminali, imma d-destin stess qed jikkonferma li huma agħar minn hekk. Illum, suspett bħal dan mhux se jisfa’ njorat mill-midja soċjali, għax din dlonk tibdel kull simpatija f’kundanna f’inqas minn sekonda. Kulħadd se jġebbidha l-istorja u minn lifa, il-kelma taf tiġri u ssib min jgħid li lil Pawlu gidmu kelb il-baħar u belgħalu nofs driegħu f’nifs wieħed.

Il-gidma tal-lifa, imxandra live fuq il-midja soċjali mhux se tawgura tajjeb għal Pawlu minn Tarsu, priġunier ta’ Ruma. Il-fatt hu li gidmitu l-lifa u huwa kriminali, u allura mhemmx tama għalih. Daqshekk kortesija. Xi ħadd malajr jikteb fuq Facebook: “Mur lura minn fejn ġejt, lejn il-Palestina!”  

Imma l-affarijiet jinbidlu mal-miraklu. Il-miraklu ta’ Pawlu għall-Maltin.

Illum, miraklu bħal ta’ Pawlu joħloq qasma enormi fl-opinjoni pubblika. Fil-midja soċjali tistgħu timmaġinaw kif dan jirriżulta f’insulti u kontro-insulti, tgħajjir ta’ tradiment minn naħa u ta’ korruzzjoni fuq in-naħa l-oħra. Fuq il-midja soċjali ħafna spiċċaw meqjusa bħala trollijiet, monstri, xjafek li jidħlulek minn taħt, fin fin, u jaħtfuk. Fil-lingwa tal-medja soċjali troll tfisser bigott, giddieb, qarrieqi, mafjuż, ġakbin, protestant, mażun, komunist taħt is-sodda jew faxxist moħbi fl-armarju.

Is-suspett aħħari f’daqqa waħda sar fidi assoluta, isteriżmu, u skond l-Atti, Malta kollha bdiet it-triq għall-fidi f’Ġesù Kristu. Kulħadd beda jemmen f’persuna li l-Maltin lanqas qatt ma kienu semgħu bih. Pawlu qallhom li hu mhuwiex alla. “Tesaġerawx!” nistħajlu jikteb fuq it-Twitter jew FB, filwaqt li jipprova jirraġuna ma’ dawk li għajruh b’kulma ġie f’moħħhom.

Tinsewx li Pawlu kellu passat naqra dubjuż. Qabel ma dar favur l-għedewwa reliġjużi u politiċi tiegħu, l-Insara, Pawlu kien partitarju akkanit tal-Fariżej. Sawlu kien “fariżew sal-mewt” (bħalma llum għandna Nazzjonalisti u Laburisti sal-mewt). Fi żmienu is-Sadduċej artistokratiċi u l-Fariżej populisti kienu partiti politiċi ħorox kontra xulxin. Biex tagħqad, Ġesu n-Nazzarenu spiċċa msallab bħala kriminal għax fi kliemu kien jixli liż-żewġ partiti. U issa Pawlu spiċċa Nisrani: kontra ż-żewġ partiti wkoll. Ma tantx hemm fhiex tifhem kif ir-reazzjoni se ddur kontrih u se jaqlagħha mingħand kulħadd.

Mela tistennix indulġenzi għal Pawlu fuq il-midja soċjali. Anke jekk il-miraklu li għamel għall-Maltin dawwar l-opinjoni ta’ ħafna, ma naħsibx li kulħadd safa konvint, speċjalment meta dan Pawlu mhux biss ma aċċettax li l-ġustizzja li xlietu isseħħ f’artu (fejn iż-żewġ partiti ma kienux jaħmluh) imma biex tagħqad talab protezzjoni minn Ruma, fejn kien sejjer sabiex jittella’ l-Qorti, qabel inqabad fit-tempesta u spiċċa Malta.

Jagħmel x’jagħmel, inkluż il-miraklu, il-Maltin se jibqgħu suspettużi. Pawlu la għandu partit (għax hu switcher u minn ex-Fariżew sar Nisrani), la għandu patrija (ħarab minn pajjiżu u issa jrid protezzjoni bħala immigrant illegali), u wisq anqas nistgħu nifhmu x’qed jgħid (jitkellem l-Aramajk imma jippriedka bil-Grieg u Latin). U sieħbu n-Nisrani l-ieħor qal li aħna l-Maltin “barbari”. Ma jmissux jistħi? Anke jekk hawn min irid ibelagħhielna li “barbaru” tfisser il-poplu lokali li la jitkellem Grieg jew Latin, aħna nifhmu b’barbaru xi ħaġ’oħra. “Dan insult!”, se jiktbu xi bloggers.

Imma Pawlu kien bniedem kuraġġjuż u straordinarju. Kien lest li jikkritika lilu nnifsu ta’ bniedem kolt u skular li kien. Kien Fariżew akkanit, sekwaċi ta’ tradizzjoni Rabbinika bħal Ġesu nnifsu. Imma wkoll kien jaf li l-prinċipji huma wkoll marbuta mal-aġir. Bħalma Ġesù, li bħall-Fariżej kien ġej minn linja ta’ Rabbini, qal hekk dwar l-istess Fariżej: “isimgħu dak li jgħidu imma tagħmlux dak li jagħmlu.”

Imma dan x’ifisser għalina, illum  – aħna li ngħidu li Pawlu sar il-missier spiritwali ta’ Malta b’saħħet il-miraklu li għamel għall-Maltin?

Pawlu, bħala bniedem ta’ prinċipju li kien lest li jimmassakra lill-Insara f’isem Alla, għaraf jistaqsi u jikkuntesta b’mod profond l-istess fehmiet tiegħu li tant kien jgħożż. Għal ħafna din hija ġennata jekk mhux ukoll forma ta’ korruzzjoni morali u tradiment politiku. Kien għalhekk li Pawlu stess qal lill-Korintin li l-fidi f’Messija msallab bħala kriminal hija skandlu għal dawk marbuta mal-konvinzjoni tat-tradizzjoni assoluta u bluha għal dawk marbuta ma’ ħsieb imkejjel mill-loġika. Għal Pawlu, il-fatt u l-verità ma kienux marbuta mal-ideoloġija għamja jew ma’ raġuni deterministika u mekkanika, imma ma’ dinamiżmu ta’ ħajja li għall-ħafna hija ġennata: il-ġlieda għall-batut, għall-emarġinat, għall-minsi. Il-kenosi, fejn id-divin jitbaxxa u jsir uman biex jispiċċa maqtul bħala l-agħar fost l-imżebilħa.

Kif qal lin-nies ta’ Korintu: “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ‘il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.” (1 Kor: 1: 27-30)

Immaġinaw kieku Pawlu jikteb hekk fuq il-Facebook tiegħu illum ... x’xeba’ kliem jaqla’. Kemm jgħajruh korrott, traditur, troll, u miġnun!

Prof. John Baldacchino

Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison.