Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-Gvern se jagħti 7 biljun litru ilma fis-sena lill-bdiewa u lukandi" - Joseph Muscat   |  “Il-Gvern irid jagħmel profitt anke mill-mewt” – Simon Busuttil

Jinbidlu l-atturi … imma d-dramm jibqa’ l-istess

Kummissjoni Ambjent  -  15/02/2017 09:15

Jekk hemm xi ħaġa li tinbidel meta l-partiti jpartu posthom fil-parlament hi l-mod kif jirrapurtaw il-‘fatti’ l-medja tagħhom. Il-gazzetti, ir-radju u t-televiżjoni tal-partit fil-gvern juruna x’ġenna tal-art hi Malta … filwaqt li dawk tal-oppożizzjoni juruna f’liema infern ninsabu. Sewwa kien qal Shakespeare: “Id-dinja kollha hija palk, u l-bnedmin huma sempliċiment atturi”.

Fejn jidħol l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna, wieħed iħoss li qed jassisti għal xi soap opera li ma tispiċċa qatt, fejn episodju wara l-ieħor l-atturi jagħmlu l-istess żbalji u jaqgħu fl-istess nasbiet mingħajr qatt ma jitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom.

Ngħidu aħna, kien hemm żmien meta ż-żewġ partiti ħassew li l-futur turistiku tagħna kien jiddependi mill-iżvilupp ta’ korsa tal-golf f’Malta u oħra f’Għawdex. Li ma kenux jaqblu fuqu kien il-fejn kellhom isiru, imma t-tnejn sostnew li ma stajniex ngħaddu mingħajrhom, minkejja li ma kien sar l-ebda studju dwar jekk kienx hemm bżonnhom jew le. Iż-żmien mhux biss ta raġun lil dawk kollha li opponew dan il-proġett, talli kixef li moħbi wara din il-proposta ma kienx hemm it-tisħiħ tat-turiżmu f’pajjiżna imma l-gwadann ekonomiku ta’ grupp żgħir ta’ nies.

Sfortunatament, l-eżempji ma jispiċċaw qatt u dejjem nassistu għal xi episodju ieħor f’dan id-dramm traġiku. Bħalma assistejna għad-dmugħ li ċarċru l-partiti meta l-partit l-ieħor issagrifika art f’ODZ u nsew meta huma għamlu l-istess ħaġa meta ġew għas-siegħa tal-prova. Jew, aktar riċenti, il-qbil taż-żewġ naħat mal-link permanenti bejn Malta u Għawdex fl-assenza ta’ studju serju li jħares lejn l-impatti ambjentali, ġeoloġiċi, soċjali, kulturali u ekonomiċi b’mod ħolistiku (u mhux frammentat).

Jekk jeżisti dramm, jeżisti wkoll l-iskript tiegħu. U għalhekk hu tajjeb li wieħed jistaqsi: Min qed jikteb dan l-iskript? Min għandu x’jiggwadanja minnu? Min qed jibqa’ wara l-kwinti, jidderieġi d-dramm minkejja li minn żmien għall-ieħor jinbidlu l-atturi?

Fl-enċiklika tiegħu Laudato Si`, il-Papa Franġisku jsostni li “hemm wisq interessi partikulari, u faċli ħafna li l-interess ekonomiku jispikka iżjed mill-ġid komuni u jimmanipula l-informazzjoni biex ma jarax il-proġetti tiegħu milquta ħażin”. U bħala soluzzjoni jissuġġerixxi li “dak li hu mistenni minnhom (il-politika u l-ekonomija) hu li jagħrfu l-iżbalji tagħhom u jsibu modi ta’ interazzjoni orjentati lejn il-ġid komuni.

L-għażla taċ-ċittadini hija li, jew jibqgħu spettaturi ta’ dan id-dramm, bla saħħa li jbiddlu l-iskript u skjavi taċ-ċirkostanzi; jew inkella, armati b’fidi soda fi Kristu Rxoxt (u mhux f’xi partit), jagħżlu li jkunu l-melħ u d-dawl tal-komunità tagħhom u jeżiġu, minn dawk kollha li ħalfu li jiżguraw il-ħarsien tal-ġid komuni, skript li hu aktar uman u ġust.