Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Żdiedu t-talbiet għall-għajnuna psikjatrika waqt l-elezzjoni   |  "Kultura fejn il-kelmiet 'qaddej' u 'messaġġier' ma jinftehmux" - L-Arċisqof   |  ​"L-ommijiet ta' persuni pubbliċi jbatu fil-moħbi"   |  L-Istati Uniti twissi lis-Sirja dwar attakk kimiku ieħor "qed jinħema"

Ftehim mal-Kanada, l-Unjoni kibret b’36 miljun ruħ

Peter Agius  -  16/02/2017 12:38

Din il-ġimgħa fil-plenarja kellna vot importanti li approva l-Ftehim tal-Unjoni Ewropea mal-Kanada.

Dan il-ftehim huwa uniku għax jiftaħ beraħ l-opportunitajiet tan-negozji u l-konsumaturi Ewropej u Kanadiżi li jimirħu fis-swieq ta’ xulxin. Iżda fl-istess waqt qed iżomm standards għoljin fuq iż-żewġ naħat kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-ħaddiema.

Ma hix esaġerazzjoni jekk ngħidu li ġaladarba jiġi ratifikat, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim l-Unjoni qed tikber b’36 miljun konsumatur ġdid li huma l-popolazzjoni tal-Kanada.

Dan jista’ jingħad għax il-ftehim ineħħi ħafna mill-ostakli li s-soltu jaqtgħu qalb lin-negozjant u lill-konsumatur.

L-aħjar eżempju taħ il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau fil-plenarja nhar il-Ħamis fejn qal li jekk illum konsumatur Ewropew irid jixtri par żarbun tas-silġ minn Ottawa, dan għandu taxxa ta’ 17%. Din it-taxxa tisparixxi b’ dan il-ftehim.

Justin Trudeau, li barra li huwa figura li tiġbed ħafna attenzjoni tat-teenagers(speċjalment bniet), kien ukoll għalliem fi skola sekondarja  u rrisponda wkoll għal ħafna mill-oġġezzjonijiet kontra dan il-ftehim meta qal:

“Dan il-ftehim mhux biss fuq il-kummerċ internazzjonali. Irridu l-ħaddiema bieżla jaqilgħu l-għixien tagħhom. Irridu lill-ommijiet u missirijiet jagħtu opportunitajiet aħjar lit-tfal tagħhom. Irridu li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ta’ Kanadiżi u Ewropej ikollhom livell ta’ għixien aħjar minn ta’ qabilhom, u ftehim bħal dan se jgħinna biex inwettqu dan.”

L-eżempji ta’ Trudeau jumanizzaw il-karattru bla wiċċ tal-kummerċ internazzjonali.

Il-ftehim mal-Kanada effettivament se jiftaħ il-bibien għal ħafna kumpanniji Ewropej, forsi anke Maltin, li issa jistgħu anke jidħlu għall-kuntratti tal-gvern Kanadiż. Dan mistenni li jwassal għal tkabbir fil-pajjiżi tal-Unjoni kif ukoll fil-Kanada iżda fuq kollox għal aktar impjiegi ta’ kwalità anke grazzi għall-fatt li l-Kanada huwa suq bi standards għoljin bħal tal-Unjoni.

M’għandux għaldaqstant ikun hemm problemi ta’ dumping soċjali jew tat-tnaqqis tal-kundizzjonijiet għall-ħaddiema jew għall-konsumaturi. 

Dan huwa wkoll l-essenza tal-intervent tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li fi stqarrijiet lill-media flimkien ma’ Trudeau emfasizza li:

“Dan il-ftehim joħloq opportunitajiet sabiex nippromwovu l-kwalità tal-prodott Ewropew. Ma ninsewx ukoll li wieħed minn kull seba’ mpjiegi fl-Ewropa jiddependi mill-kummerċ internazzjonali” qal il-President Tajani.

Li ma ntqalx minn Trudeau u minn Tajani

Għalkemm il-botti moħbija ma naqsux. la Trudeau u lanqas Tajani ma poġġew subajhom direttament fuq il-ferita.

Il-ferita hija li waqt li l-Ewropa qed tniedi ftehim progressiv mal-Kanada biex tiftaħ is-swieq u toħloq l-impjiegi fuq iż-żewġ naħat, ftit il-bogħod qed naraw ir-Renju Unit li ser jibda proċess li bih jinqata’ minn dak is-suq.

L-Unjoni għandha 44 ftehim internazzjonali diġà ffirmati u oħrajn importanti li mistennija jiġu ffirmati dalwaqt, fosthom mal-Ġappun u l-Messiku.

Kif ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni jista’ joħroġ ukoll mill-ftehimiet kollha li għandha l-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.

Kull ftehim jieħu ħafna riżorsi u ħafna ħin biex jiġi negozjat. Per eżempju, l-ftehim mal-Kanada, li kien wieħed faċli, ħa seba’ snin biex jiġi negozjat.

Ir-Renju Unit mistenni jkollu jerġa’ jinnegozja ħafna minn dawn il-ftehim jekk irid ikollu suq akbar għall-prodotti u servizzi tiegħu.

Il-ferita l-oħra evidentement hija Donald Trump. Filwaqt li l-Unjoni qed tibni l-pontijiet mal-Kanada Trump qed itella’ l-ħitan mal-Messiku u jinterrompi taħditiet ta’ ftehim ma’ pajjiżi oħra. 

Dr Peter Agius