Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Jinstab raġel mejjet fil-baħar   |  "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"   |  “Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku   |  Il-Golfo Azzurro ordnat jidħol Tripli b'theddid li jinfetaħ in-nar fuqu

X'bidla?

18/02/2017 16:20

Ftit ilu waqt diskussjoni pubblika, Patri Ġwann Xerri rrefera għall-viżjoni tal-Caritas.  Viżjoni li titkellem dwar il-ġustizzja soċjali, il-komunità nisranija u l-għażla preferenzjali tal-fqar.

Viżjoni li tgħid ukoll li l-fqar għandhom isiru aġenti tal-bidla.

U hawn għeriqt f’baħar ta’ ħsieb. Il-fqar isiru aġenti tal-bidla? Kif? U x’bidla hi li qed nitkellmu dwarha? Sempliċiment li kulħadd ikollu biċċa laħam darba kull jumejn fuq il-platt? Jew li ħadd ma jkollu problema biex isaħħan daru meta t-temperatura tibda nieżla?


Imma mhux biss

It-tweġiba hija fl-affermattiv. Għallanqas skont jien. Irridu bidla fejn il-faqar materjali jiġi eradikat. U mhux il-faqar fuq l-istatistika. Imma wkoll il-faqar f’kull rokna tal-gżejjer tagħna.

Imma mhux biss. Jien nara li hemm bżonn bidla aktar radikali. Forsi tgħiduli qed noħlom, imma mhemm xejn ħażin li noħolmu. Anzi. Jekk ma noħolmux se nibqgħu nduru mal-istess roundabout.

U kull darba li xi ħadd jiġbidli l-attenzjoni li qed noħom, dejjem jiġu f’widnejja l-kliem tad-diska “Imagine” ta’ John Lennon. “Imagine no possessions/I wonder if you can/No need for greed or hunger/A brotherhood of man/Imagine all the people/Sharing all the world”.

Forsi Lennon mhux l-aktar persuna idonja li nikkwota meta nitkellem fuq il-viżjoni tal-Caritas.

U abbli lanqas jien ma jien l-aktar weħed addattat biex ngħid x’għandha tkun din il-bidla. Nagħmilha ċara li l-għan tiegħi, aktar milli niddefinixxi jew nimponi, huwa li nibda d-diskors.


Knisja fqira għall-fqar

Il-Papa Franġisku tkellem aktar minn darba dwar il-bżonn li jkollna knisja fqira għall-fqar. U naħseb dan għandu jkun il-punt ta’ partenza.

X’jiġifieri knisja fqira għall-fqar? Jien naraha li l-qofol tal-knisja aktar milli fuq il-linef u d-damask għandu jkun fuq li titma’ lil min hu bil-ġuħ u tisqi lil min hu bil-għatx.

Imma rridu mmorru aktar minn hekk. Ħafna aktar.

Huwa x-xogħol tal-aġenti tal-bidla li jagħmlu kulma jistgħu biex ikollna soċjetà ġusta. Soċjetà fejn ħadd ma jibqa’ lura. Soċjetà mibnija fuq l-inklużjoni. Fuq l-ugwaljanza u l-ekwità. Fuq l-imħabba u s-solidarjetà.

Fuq kollox soċjetà fejn m’hemmx aktar huma u aħna. L-imħabba tagħna trid twaħħadna mal-iżgħar u l-aktar vulnerabbli minn ħutna. U hawn nerġa’ niġi għal Lennon. “And the world will be as one”.


Dikussjoni

Naf li mhux faċli. U aktarx iva milli le, anke int għandek l-ideat tiegħek dwar x’bidla hi li qed nitkellmu dwarha.

Għalhekk il-Caritas flimkien mal-Alleanza kontra l-Faqar se jorganizzaw diskussjoni bis-suġġett “Il-Fqar: L-Aġenti tal-Bidla” nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Frar, 2017, fis-6.00 pm.

Il-post huwa l-kwartieri tal-Caritas, 5 Triq l-Iljun, il-Furjana. Il-kelliem ewlieni se jkun Patri Ġwann Xerri, OP. Kulħadd mistieden.


Charles Miceli għall-Caritas Malta