Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Integrità

Dun Brendan M. Gatt  -  21/02/2017 09:00

F’dawn l-aħħar jiem reġgħet tfaċċat – għalkemm in-naħa l-oħra tad-dinja – il-pjaga tal-abbużi sesswali mwettqa fuq minorenni u persuni oħra vulnerabbli fi ħdan il-Knisja. L-iktar kapitlu reċenti ta’ din is-saga atroċi ġie mill-Awstralja, permezz tal-konklużjonijiet xokkanti ta’ Kummissjoni governattiva li qed tinvestiga kemm din il-problema hija mifruxa f’istituzzjonijiet differenti (mhux reliġjużi biss) u kif dawn aġixxew quddiem allegazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

Mingħajr ma nidħol f’ħafna dettall, biżżejjed ngħid li l-Kummissjoni sabet li 7% tas-saċerdoti u r-reliġjużi li ħadmu fl-Awstralja bejn l-1950 u l-2010 ġew akkużati b’abbuż. Tajjeb infakkar ukoll li ma jfissirx li kull akkuża jew allegazzjoni ġiet ippruvata; imma bħalma dejjem nisħqu, anki każ wieħed huwa terribbli, aħseb u ara falliment ta’ integrità u kontabbiltà (accountability) fuq skala daqshekk mifruxa.

U hawnekk appuntu jidħol dan il-kunċett essenzjali: l-integrità. Id-dizzjunarji jispjegawha bħala l-kwalità li tkun onest u jkollok prinċipji morali sodi. Bil-Malti nħobbu nużaw il-kelma ‘rġulija’ bħala sinonimu ta’ integrità, għalkemm l-irġiel żgur m’għandhom l-ebda monopolju fuq din il-virtù. B’mod iktar sempliċi u prattiku C.S. Lewis jispjega l-integrità bħala “Li tagħmel dak li hu tajjeb anki meta ħadd m’hu qed jarak.”

Huwa evidenti li meta persuna jew istituzzjoni tkun nieqsa mill-integrità mqar f’aspett wieħed, il-ħidma tagħha – li tista’ tkun tajba mmens f’aspetti oħra – se ssofri bil-kbir. Il-Knisja Kattolika, apparti l-aspett purament reliġjuż, twettaq ħidma imprezzabbli madwar id-dinja f’oqsma li jvarjaw mill-edukazzjoni sas-saħħa, mill-kultura sad-drittijiet tal-bniedem. Iżda l-perċezzjoni kultant ġustifikata ta’ nuqqas ta’ integrità f’ċerti aspetti tkompli tixħet dell mill-ikreħ fuq il-bqija tal-ħidma tagħha. Agħar minn hekk, fuq livell ta’ fidi hija kontro-xhieda għall-messaġġ tal-Vanġelu; altru li mhux melħ tal-art u dawl tad-dinja!

L-istess japplika għal kull istituzzjoni oħra, b’mod speċjali dawk l-iktar fdati b’responsabbiltà bħalma huma l-politiċi, il-ġudikatura u l-forzi għaż-żamma tal-ordni. Ftit eżempji jgħinu: nafu kemm Silvio Berlusconi kien irrenda ruħu figura tar-ridikolu minħabba l-ħajja privata tiegħu, minkejja s-suċċess ekonomiku u l-istabbiltà politika li seħħew fi żmienu bħala Prim Ministru tal-Italja. Il-President attwali tal-Istati Uniti, Donald Trump, kontinwament jopera taħt sħaba ta’ suspett u kritika minħabba dubji serji u fondati dwar l-integrità personali tiegħu, kif ukoll għal ċerti pożizzjonijiet estremi jew diskutibbli għall-aħħar li huwa jħaddan.

Mhux l-iskop tiegħi li nikkummenta dwar il-kamp politiku lokali jew li niddiskuti xi kontroversja preżenti jew tal-imgħoddi. Ngħid biss li jagħmlu tajjeb il-politiċi tagħna (u dawk imħajrin jaqbdu din il-ħidma tant bżonnjuża) li mal-arti tal-oratorija u mal-kompetenza professjonali tagħhom iżewġu wkoll doża kbira ta’ integrità bħala s-sinsla li torbot kollox flimkien.  

Biex inkun prattiku, qed nitkellem dwar l-integrità fil-moralità personali, familjari u ekonomika. Għandna bżonn irġiel u nisa (f’kull partit ovvjament) li jispiraw fiduċja mhux biss bil-wegħdiet tagħhom għall-futur, imma wkoll bl-imġieba tagħhom fil-preżent. Biex dan iseħħ, neħtieġu wkoll istituzzjonijiet sodi – kemm interni fil-partiti u kemm esterni u indipendenti – li jżommuhom kontabbli għal għemilhom.

Jekk fil-pubbliku in ġenerali – u agħar minn hekk fiż-żgħażagħ – tkompli dieħla l-impressjoni (ġustifikata jew le) li l-politika hija biss – jew primarjament – mezz moqżież sabiex wieħed jakkwista ġid, poter jew vantaġġi oħra, il-konsegwenzi ma nbatuhomx biss issa, iżda wkoll fil-ġenerazzjonijiet futuri fejn – allaħaresqatt – l-għażla ta’ kandidati tibda’ tkun iffurmata fil-biċċa l-kbira minn nies opportunisti u inkompetenti.