Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Tridx titmellaħ!

Karl Andrew  Schembri  -  28/02/2017 14:56

Tridx tmur titmellaħ! Min jaf kemm-il darba nkunu ma’ xi ħadd u ngħidulu hekk! Imma fl-Evanġelju din għandha sens ieħor. Li tkun melħa ma jfissirx li tindaħal fejn ma jesakx kif inħobbu ngħidu aħna imma li tkun togħma tajba! “Melħ tal-art”... “dawl tad-dinja”. Ġesù Kristu jgħid hekk lill-Appostli u lid-dixxipli fuq il-muntanja waqt id-diskors tiegħu li nistgħu nsejħulu PROGRAMM TAL-ĦAJJA NISRANIJA. Huwa għalhekk f’dan id-dawl li kull min hu msieħeb ma’ Kristu jrid ikun “melħ tal-art” u “dawl tad-dinja”.

“Intom il-melħ tal-art”. Ilkoll tafu għalxiex huwa tajjeb il-melħ: fuq kollox biex jgħati togħma tajba lill-ikel u jippreservah mit-taħsir. Il-melħ issibu fl-art kollha u għalhekk Ġesù mhux jistedinna nkunu xi ħaġa ta’ barra mid-dinja, imma propjament biex NIKKONSERVAW it-tagħlim tiegħu, INĦARSUH mit-taħsir u NWASSLUH sal-art kollha! Iżid jgħid ukoll imma “jekk il-melħ jaqta’... għal xejn iżjed ma hu tajjeb ħlief biex jintrema barra u jintrifes minn nies.” Hekk ukoll għalhekk aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu, għandna bżonn NIKKONTRIBWIXXU bit-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju biex ngħinu lin-nies iduqu mill-ħajja ta’ Ġesù mingħajr ma jaraw taħsir.

“Intom id-dawl tad-dinja”... mingħajr id-dawl tax-xemx, kieku d-dinja tibqa’ fid-dlam u aħna ma nsibu qatt it-triq... jew ngħixu l-ħajja fid-dlam. Għalhekk id-dawl JIDHER u JURI. Aħna bżonn tad-dawl! Kristu jgħid għalih innifsu: “Jiena d-dawl tad-dinja.” F’dan il-kuntest Ġesù jsejjaħ lilna dawl tad-dinja, għax nistgħu NĠORRU fina dak id-dawl li għandna bżonn biex insibu t-triq... biex NIFHMU l-veru ferħ tal-ħajja tagħna u biex NGĦIXU bit-tama! Dan imma ma jfissirx li nogħxew nagħmlu t-tajjeb tal-Vanġelu biex nidhru jew għal għajn in-nies! L-egħmil tajjeb tagħna ma nagħmluhx biex in-nies ifaħruna, imma għall-eżempju: biex l-oħrajn jaraw fina d-dawl u jitħajru jagħmlu t-tajjeb. B’hekk huma wkoll jogħġbu ‘l Alla u jagħtu glorja lill-Missier.

Din il-ħidma rridu nwettquha bil-KARITÀ. Iżda jien, nisrani, kif se nkun “melħ tal-art u dawl tad-dinja”? Kif se NĦARES u NURI t-tagħlim ta’ Kristu lill-oħrajn? Nieħdu tweġiba minn Isaija: “aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ... imbagħad ifeġġ id-dawl tiegħek fid-dlam.” Il-karità tagħna hija DAWL għal dawk li ma jagħarfux ‘l Alla... il-Papa Franġisku jara li llum il-Knisja tgħix magħluqa fiha nfisha... imbeżża, u l-bogħod mill-problemi u sofferenzi tal-ħajja b’tali mod li jżommuha milli tagħti togħma lill-ħajja tal-llum u dawl lill-Vanġelu!

Irridu għalhekk immorru lejn dawn ir-realtajiet... li niltaqgħu ma’ realtajiet li huma bżonn il-melħ u d-dawl... ma nintilfux f’dinja ta’ proċeduri u obsesjonijiet! Knisja li tkun maqtugħa mid-dinja... la tista’ tkun melħ u anqas dawl! Inkunu għalhekk għal kollox konvinti li dak li għandha bżonn il-Knisja llum huwa l-KAPAĊITÀ li ndewwu l-feriti u nqawwu l-qlub!

Għaliex mhux KEMM NAGĦTU... lanqas X’NAGĦTU... u lanqas KIF NAGĦTU! Imma kemm INPOĠĠU mħabba f’dak li nagħtu!