Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Investigati żewġ messaġġiera tal-Qorti   |  

Napprezzaw dak li għandna madwarna

Sina  Bugeja  -  16/03/2017 09:15

Donnu l-aktar ħaġa faċli hija li nibku għal dak li tlifna imma ma napprezzawx dak li jkollna. Għaġir naturali lejn dak li dejjem naraw madwarna u li nieħdu bħal garanzija li dejjem hekk se jkunu l-affarijiet. Naħsbu lì la dejjem kien hemm, se jibqa dejjem hemm. Forsi dan iwassalna biex ma narawx dak li hemm madwarna qabel ma nindunaw li issa m'għadux.

It-tieqa tad-Dwejra kellha dan l-effett fuq ħafna. Iddispjaċina għal dak li kien u fit-telfa li qed inħossu, għadna mhux qed naraw dak li għandna. Tlifna xi ħaġa li dejjem konna mdorrijin biha hemm u għalkemm id-diskussjoni fuq kif kienet qeda tittiekel u titmermer ilha għaddejja, kulħadd inħasad meta waqgħet. Illum qed nitkellmu fuqha fil-passat għax issa m’għadhiex.

Imma 'l hinn mid-Dwejra u eqreb lejn iċ-ċentru ta’ ħajjitna, x 'inhuma dawk l-affarijiet jew aħjar nies li qedin hemm attivament involuti fl-ambjent tad-dinja tagħna u mhux qed narawhom? Tant ċerti li posthom hemm li minn xi daqqiet lanqas narawhom u forsi lanqas nikkalkulawhom aktar. Forsi ukoll idejquna meta ma jaqblux ma dak kollu li nixtiequ nagħmlu u naħsbu li bil-kummenti tagħhom iridu jwaqqfuna minn dak li qed nippruvaw nilħqu. Hemmhekk nindunaw bil-preżenza imma meta tgħaddi d-dgħadija malajr nerġgħu inħalluha tisfuma fix-xejn u nerġgħu għal li konna.

Imbagħad meta tiġri xi ħaġa li ġġib xi telfa, nittbikkmu u ninkwetaw u jiddispjaċina għan-nuqqasijiet tagħna u f'daqqa waħda nibdew nirrejalizzaw kemm stajna għamilna l-affarijiet differenti kieku konna forsi aktar konxji ta’ dawk ta’ madwarna. Immma imbagħas tard wisq!

Illum għad għandna l-futur quddiemna u għadu jista jkun f’idejna u allura kwalunkwe deċiżjoni li se nieħdu għad nistgħu neħduha b’rispett lejn dawk ta’ madwarna – kemm vis-a-vis rispett lejn il-persuni u kif ukoll l-ambjent.

Mhux aħjar nieqfu u naraw ftit x’ikun l-aħjar għal kull min huwa nvolut? Jekk kull ma rrid huwa li niggwadanja jien biss allura ma nikkalkula lill-ħadd iżjed. Imma imbagħad ma noqgħodx la jiddispjaċini u inqas u inqas nipprova nara kif inbenġel is-sitwazzjoni. Minn naħa l-oħra, jekk inkun konxja ta’ kull mument ta’ ħajti u ta l-effett tad-deċiżjonijiet tiegħi fuq il-persuni u l- madwar, allura ikolli dik l-informazzjoni li se tgħini nagħmel id-deċiżjonijiet għaqlija u tajbin għal kulħadd.

Ikun ħafna aħjar għalija u għal ta madwari jekk nibda ngħix fil-preżent. Sfortunatament ngħixu wisq fil-futur u aktarx il-preżent jaħarbilna u ma nintebħux qabel ma jkun tard wisq. F’ħafna taħriġ li huwa offrut fuq il-meditazzjoni, il-preżent jieħu dimenzjoni importanti ħafna. Tajjeb li nitgħallmu napprezzaw dan.

Il-kultura tal-punent timbuttana sabiex naħsbu fil-futur b’tali mod li nitilfu l-preżent. Dejjem ngħixu ittammati għal futur aħjar u ninsew napprezzaw il-preżent li qedin fih. Dejjem qed nistennew xi ħaġa aħjar. aqwa, itjeb, isbaħ .... u s-sabiħ tal-llum ma narawhx.

Forsi dak li ġara lit-tieqa tad-Dwejra tista sservi bħala sejħa sabiex inqumu mir-raqda li qedin fiha fejn qed nitilfu l-preżent. Kieku hu hekk, nkunu tgħallimna xi ħaġa minn dak li għamlet in-natura. Jekk le, allura veru qlajna paniku ta’ xejn għax bħall-partijiet varji madwar il-kosta li waqgħu u nbellgħu mill-baħar jew tfarku mal-blat qatt ma reġgħu ġew lura.