Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Ingħalqitilna tieqa oħra

Kummissjoni Ambjent  -  28/03/2017 09:15

L-Erbgħa, 8 ta’ Marzu 2017 sa jibqa’ jissemma’ bħala l-jum li fih tlifna t-Tieqa tad-Dwejra. L-aħbar infirxet bħal-leħħa ta’ berqa u minnufih bdew ir-reazzjonijiet. U dan bir-raġun għax tlifna, darba għal dejjem, ġawhra naturali unika. Imma min-naħa l-oħra dan kien proċess naturali li – matul il-medda tas-snin – skolpixxa l-Ġżejjer tagħna. Il-kwistjoni qatt ma kienet “Jekk hiex sa taqa’” imma “Meta sa taqa’”.

Għaddew ftit ġranet minn dan l-avveniment u diġà bħal donnu ntesa kollox; u l-aħbarijiet reġgħu nħakmu mir-rutina ta’ botta u risposta dwar l-iskandli tal-partiti politiċi. Anke dawk li faqgħu il-medja soċjali bil-posts u r-ritratti (before and after) tat-Tieqa issa siktu u sabu affarijiet oħra importanti x’jixxerjaw.

U din hi l-ħasra - li fejn jidħlu kwistjonijiet ambjentali hemm tendenza li nkunu nar tat-tiben: ħafna agħa fil-bidu u wara ftit qisu ma ġara xejn. Alla waħdu biss jaf (għax Hu jaf b’kollox, anke bl-abbużi li jsiru fil-moħbi) kemm tlifna mill-patrimonju naturali u mibni tagħna minħabba deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu taħt KULL amministrazzjoni. Patrimonju li, bħat-Tieqa, ladarba ntilef ma jerġax jiġi. Tant hu hekk li min bena karriera u għamel il-flus mill-qerda sistematika ta’ dan il-patrimonju, dara s-sistema u tgħallem jilgħab il-logħba sew.

Issib min ikollu għas-servizz tiegħu esperti legali li jispeċjalizzaw kif issib it-toqob fil-liġi minflok kif tosserva u taqdi l-ispirtu tagħha. Dan kollu jsir waqt li ssir pressjoni ħalli tinbidel il-liġi biex teħles mill-“burokrazija żejda” – frażi li ħafna drabi tfisser “jitwessgħu t-toqob biex nagħmlu aktar li rridu”.

Xi drabi oħra jsiru proposti ta’ żvilupp monstrużi sabiex l-attenzjoni taqa’ fuq id-daqs tagħhom u mhux fuq il-fatt li m’hemmx bżonnhom. Imbagħad, bħala sinjal ta’ rieda tajba, l-proposta tiċċekken … u tgħaddi. Hemm imbagħad min jilgħab il-logħba taż-żmien. Jistennew li l-oġġezzjonijiet jintesew jew li bini li suppost ma jintmessx jitħalla jiżdinga, jaqa’ u jwarrab postu għall-bini ġdid.

Filwaqt li jkun għaddej dan kollu kif inġibu ruħna? Ma nagħtux kas sakemm ma jkunx jolqot lilna direttament? Nippolitiċizzaw dak li jkun qed isir (jew ma jsirx)? Napprofittaw ruħna mis-sitwazzjoni? Ċertu patrimonju li għandna sa nitilfuh nagħmlu x’nagħmlu, bħal fil-każ tat-Tieqa. Madankollu, ħafna mill-patrimonju li għad fadlilna u li jinsab fil-periklu li jinqered nistgħu nsalvawh jekk bħala ċittadini niddefendu b’mod attiv dak li hu tagħna … u ta’ uliedna.