Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Jinstab raġel mejjet fil-baħar   |  "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"   |  “Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku   |  Il-Golfo Azzurro ordnat jidħol Tripli b'theddid li jinfetaħ in-nar fuqu

Identità, ġejjieni u Unjoni Ewropea

Peter Agius  -  09/03/2017 09:15

F’ Marzu se nkunu qed niċċelebraw is-sittin sena anniversarju tal-firma tal-ewwel Trattat tal-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien, waqt li aħna konna għadna taħt l-Ingliżi, f’Ruma ingħaqdu sitt pajjiżi fi proġett li fisser sittin sena ta’ paċi u ħafna prosperita.

Sadanittant, aħna nfatamna mill-Ingliżi u llum qed inmexxu din l-Unjoni Ewropea li issa tiġbor 28 pajjiż.

Ta’ ġarek isbaħ minn ta’ darek

Meta taraha minn barra, b’mod oġġettiv, l-istorja tal-Unjoni hija storja li ġġib l-għira ta’ kwalunkwe reġjun fid-dinja.

Dan rajnieħ per eżempju fl-indirizz tal-Prim Ministru Kanadiż Trudeau fl-aħħar plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Trudeau qalilna li l-Unjoni hija l-akbar proġett ta’ paċi u li d-dinja stess għandha bżonn Unjoni b’saħħitha li tifrex l-influwenza u l-valuri tagħha fil-kontinenti kollha.

Imma bħal ma jiġri ta’ spiss, ma ta’ ġewwa jkun hemm stejjer oħra.

Dik l-ammirazzjoni ta’ Trudeau ironikament qed tonqos f’ ċerta rkejjen li l-aktar gawdew mill-istess Unjoni.

Minn Normandija, erba passi mill-Belġju u minn fejn ġiet eletta Marine Le Pen fil-Parlament Ewropew qed jisimgħu storja oħra fuq l-Unjoni Ewropea.

Unjoni li thedded l-identita’ nazzjonali

Marine Le Pen fi Franza bħal Geert Wilders fl-Olanda qed ipinġu lill-Unjoni Ewropea bħala entita li b’ mod arroganti u mhux demokratiku qed tirfes fuq il-libertajiet u l-identità tal-Franċiżi u tal-Olandiżi.

Dan huwa minnu?

Ma naħsibx.

Il-Franċiżi u l-Olandiżi iffurmaw l-Unjoni Ewropea kif riedu huma. Li dawn daħlu fl-euro u fiż-żona Schengen kienet deċiżjoni tagħhom u jistgħu joħorġu minna meta jridu - sempliċiment b’ deċiżjoni tal-gvern nazzjonali.

Naħseb li l-karattru demokratiku veru tal-unjoni qed  narawħ taħt għajnejna bħalissa bil-brexit. Deċiżjoni sovrana li issa qed timmaterjalizza fil-ħruġ tar-renju Unit mill-Unjoni.

Dan ma jfissirx li li terġa lura minn proċess ta’ integrazzjoni ser ikun faċli.

Il-politika tad-disintegrazzjoni lanqas ma tfisser li dawn il-popli ser ikunu aħjar. 

Li huwa żgur huwa li qed jieħdu riskji kbar għax flok ifittxu l-wens tal-grupp li jaħdem flimkien jippreferu li jmorru għal rashom anke jekk iċ-ċifri jindikaw triq oħra.

Dan huwa partikularment interessanti bħalissa li l-pajjiżi kollha tal-unjoni reġgħu lura għat-tkabbir ekonomiku. Il-kriżi donnha ħriġna minna, il-qgħad fl-unjoni baqa’ nieżel u l-investiment reġa’ beda jirpilja.

Populiżmu

L-argument tal-identita’ użat minn Le Pen, filwaqt li jista’ jitkisser mitt darba b’ risposti u eżempji konkreti, huwa argument li mhux maħsub għall-moħħ imma għall-qalb.

Jekk infassal argument fejn nassumi, mingħajr fatti u mingħajr raġunijiet partikolari, li dak li huwa ewropew qed jhedded l-identità nazzjonali, u nassoċja dik it-taparsi theddida mal-għawġ kollu tas-soċjeta, se nsib lil min jismani u min jemminni.

Naħseb dan li qed jiġri fi Franza u fl-Olanda bħalissa.

X’jinteressani?

Iżda dan lilna x’ jinteressana?

Il-problema b’ dan kollu hija li b’din ir-retorika populista bbażata fuq idea qarrieqa ta’ identità f’ diversi rkejjen tal-Unjoni qed jikbru l-partiti li qed iwegħdu li jkissru ħafna mill-kisbiet tal-Unjoni Ewropea.  Dawn il-kisbiet huma importanti għalina l-Maltin.

Il-moviment liberu, l-euro, il-fondi Ewropej, ilkoll jiddependu mill-impenn tal-Istati Membri li finalment iridu jdaħħlu idejhom fil-but u jiffinanzjaw dan il-proġett.

F’Marzu jkollna l-elezzjonijiet fl-Olanda fejn il-partit radikali ta’ Geert Wilders jista’ jsir l-akbar partit. F’April ikun imiss lil Franza fejn Le Pen mistennija tgħaddi għat-tieni vot.

Dan kollu jpoġġi lill-politiċi Ewropej kollha, inklużi dawk Maltin, f’ responsabbiltà addizzjonali li jaraw li r-riżultati u l-kisbiet li diġà għamlet l-Ewropa għaċ-ċittadini tagħha jkunu spjegati tajjeb lill-elettorat b’ mod li dan jeżamina tajjeb l-għażliet tiegħu u jiddeċiedi bil-għaqal bejn proposta politika onesta u oħra li tissimplifika u tilgħab fuq is-sentimenti tan-nies.

Din il-mewġa ta’ populiżmu donna mhux ser tbatti. Jeħtieġ li nippreparaw għaliha bl-aħjar arma possibbli - bl-informazzjoni.