Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Id-dritt tat-tfal li jkollhom familja

Dr Ramon  Bonett Sladden  -  11/04/2017 09:15

Nhar l-24 ta’ Jannar 2017, fil-kawża fl-ismijiet PARADISO u CAMPANELLI vs. L-ITALJA (Applikazzjoni numru 25358/12), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Grand Chamber), ippreseduta mill-Imħallef Luis López Guerra, iddeċidiet dwar jekk kwistjoni li tinvolvi l-prattika tas-surrogacy kinitx tirriżulta fi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Donatina Paradiso u Giovanni Campanelli huma koppja miżżewġa. Wara li huma ppruvaw ikollhom it-tfal flimkien permezz tal-proċedura tal-fertilizzazzjoni in vitro (IVF), liema proċedura ma rnexxietx, huma rrikorrew għal arranġament ta’ gestational surrogacy ma’ kumpanija Russa. Wara li saret proċedura tal-IVF f’Mejju 2010 li allegatament użat l-isperma ta’ Giovanni Campanelli, irriżultaw żewġ embrijuni li ġew impjantati fil-ġuf tas-surrogate mother. It-tifel twieled fi Frar tal-2011. Is-surrogate mother tat il-kunsens tagħha biex it-tifel jiġi rreġistrat bħala iben Donatina Paradiso u Giovanni Campanelli. Ir-reġistrazzjoni saret skont il-liġi Russa u ċ-ċertifikat tat-twelid ma kellu ebda referenza għall-fatt li t-tifel kien twieled frott ta’ gestational surrogacy.

F’Mejju 2011, Paradiso u Campanelli talbu lill-awtoritajiet Taljani sabiex jirreġistraw iċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ mir-Russja. Wara ftit, il-koppja ġew akkużati mill-awtoritajiet Taljani li ma kienx minnu li huma kienu l-ġenituri tat-tifel u ġew akkużati bi ksur tal-liġijiet tal-Italja dwar l-adozzjoni. Il-prosekutur pubbliku fetaħ ukoll proċeduri sabiex it-tifel ikun rilaxxat għall-adozzjoni għax kien ikkunsidrat li kien fi stat ta’ abbandun. F’Awwissu 2011 il-qorti Taljana ordnat li jsir eżami tad-DNA, mill-liema eżami irriżulta li għall-kuntrarju ta’ dak iddikjarat minn Paradiso u Campanelli, it-tifel ma kellu ebda rabta bioloġika mal-allegat missier, Giovanni Campanelli. F’Ottubru 2011, il-qorti Taljana f’Campobasso ddeċidiet li tneħħi lit-tifel mill-kustodja ta’ Paradiso u Campanelli u ordnat li ma jkun hem ebda kuntatt bejn it-tifel u l-allegati ġenituri. F’April tal-2013 il-qorti ddeċidiet li kien leġittimu li l-awtoritajiet Taljani jirrifjutaw li jirreġistraw iċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ mir-Russja u għalhekk ordnaw li jinħareġ ċertifikat tat-twelid ieħor li kien jgħid li t-tifel kien iben ta’ ġenituri mhux magħrufa u permezz ta’ liema ċertifikat, it-tifel ingħata isem ġdid. Intant, it-tifel ġie addottat minn familja differenti. Il-qorti Taljana kienet iddeċidiet ukoll li Paradiso u Campanelli ma kellhom ebda interess ġuridiku fil-kawża.

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Jannar 2015, waħda mit-taqsimiet tal-Qorti Ewropea komposta minn seba’ imħallfin iddeċidiet li t-tneħħija tat-tifel kienet tammonta għall-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u ħajja tal-familja ta’ Paradiso u Campanelli (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni). Fl-1 ta’ Ġunju 2015, il-gvern Taljan appella lill-Grand Chamber tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minn lenti legali, il-każ kien dwar koppja li aġixxew lilhinn minn kull proċedura li normalment tintuża fl-adozzjoni u daħħlu tifel fl-Italja li ma kellu ebda rabta bioloġika magħhom u li skont il-qrati Taljani, ġie ikkonċeput permezz ta’ proċeduri ta’ prokreazzjoni medikament assistita li kienu illegali fl-Italja.

Fir-rigward tal-applikabilità tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Grand Chamber qalet li t-tmiem tar-relazzjoni tal-koppja mal-allegat binhom kien riżultat tal-inċertezza legali li ħolqu huma stess meta aġixxew kontra dak li titlob il-liġi Taljana u meta ġew joqgħodu l-Italja mat-tifel. Il-qorti qalet ukoll li l-awtoritajiet Taljani rreġixxew malajr billi talbu s-sospensjoni tal-awtorità tal-ġenituri u billi talbu li t-tifel ikun jista’ jiġi addottat. Fir-rigward ta’ dan kollu l-qorti qalet li meta wieħed jikkonsidra li ma kien hemm ebda rabta bioloġika bejn il-koppja u t-tifel u li t-tifel dam mal-koppja għal tmien xhur biss, oltre l-inċertezzi legali kollha u minkejja l-fatt li l-koppja verament xtaqu jsiru ġenituri, ma setax jingħad li l-kriterji għall-eżistenza ta’ ħajja familjari kienu ntlaħqu.

Fir-rigward tal-kunċett tal-ħajja privata tal-koppja, il-qorti kkunsidrat li l-fatti tal-każ kienu jikkonċernaw il-ħajja privata tal-koppja.

Paradiso u Campanelli allegaw li l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Taljani kienu jammontaw għal indħil fil-ħajja privata tagħhom. Il-gvern Taljan qal li dan l-indħil kien skont il-liġi u kien sar biex ma jkunx hemm diżordni u biex id-drittjiet ta’ persuni oħrajn ikunu mħarsa. Il-qrati Taljani kienu strieħu fuq in-nuqqas ta’ rabta bioloġika bejn it-tifel u l-koppja kif ukoll fuq il-fatt li l-koppja kisru l-liġi Taljana rigward prokreazzjoni medikament assistita u rigward adozzjoni minn barra l-pajjiż. Il-qorti kkunsidrat ukoll li l-każ kien jinvolvi kwistjonijiet etikament sensittivi bħall-adozzjoni, il-prokreazzjoni medikament assistita u s-surrogate motherhood.

Il-qorti qalet li l-għan tal-qrati Taljani kien li jtemmu sitwazzjoni ta’ illegalità fis-sens li l-liġijiet miksura mill-koppja u l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Taljani kienu jservu sabiex iħarsu interessi ġenerali importanti ħafna. Fir-rigward tal-interessi tat-tifel, il-qorti Taljana kienet ikkunsidrat li ma kien hem ebda rabta bioloġika bejn il-koppja u t-tifel u li ġenituri addottivi kellhom jinstabu malajr. Il-qrati Taljani kienu kkunsidraw ukoll li ma ġiet ippreżentata ebda prova mill-koppja li huma kienu taw il-materjal ġenetiku tar-raġel Giovanni Campanelli lill-klinika Russa. Wara li ottjenew l-approvazzjoni għal adozzjoni internazzjonali, il-koppja kienu ppruvaw jaħarbu l-effetti tal-liġi Taljana billi jdaħħlu lit-tifel fl-Italja mingħajr l-approvazzjoni anki tal-Kummissjoni dwar Inter-Country Adoption. Ġie nnutat ukoll li t-tifel ma ddaħħalx bħala applicant fil-każ quddiem il-Qorti Ewropea u barra minn hekk, billi ma kellu ebda rabta bioloġika mal-koppja, ma setax ikun ikkunsidrat membru tal-familja. Il-Qorti Ewropea qalet li l-qrati Taljani għamlu sewwa li ma ħarsux lejn kif setgħet titkompla r-relazzjoni bejn it-tifel u l-koppja. Għall-kuntrarju, huma kellhom jieħdu d-deċiżoni diffiċli fejn kieku ddeċidew li r-relazzjoni kellha titkompla, kienu jillegalizzaw sitwazzjoni ta’ fait accompli illegali jew li min-naħa l-oħra, jipprovdu lit-tifel b’familja skont il-liġijiet tal-adozzjoni fl-Italja.

Il-Qorti Ewropea osservat li l-qrati Taljani ma ħarsitx wisq lejn ix-xewqa tal-koppja li jkomplu r-relazzjoni mat-tifel u lanqas ma indirizzaw l-impatt li l-firda kien se jkollha fuq il-koppja stess. Il-Qorti Ewropea qalet ukoll li dan kellu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-fatt li l-koppja kienu aġixxew b’mod illegali u anki fid-dawl tal-fatt li kellhom relazzjoni prekarja mat-tifel, liema relazzjoni saret iktar prekarja meta t-testijiet xjentifiċi stabbilixxew li ma kien hemm ebda rabta bioloġika bejn it-tifel u l-koppja.

Għalhekk, il-Qorti Ewropea ddeċidiet li l-firda tal-koppja mit-tifel ċertament kellha impatt fuq il-ħajja privata tal-koppja. Għalkemm il-Konvenzjoni ma tistabbilixxi ebda dritt biex koppja jkollha l-ulied, il-każ żgur irriżulta fi tbatija emozzjonali għall-koppja. Madankollu, l-interess pubbliku fil-kwistjoni kien ta’ importanza ikbar mill-importanza li kellha tingħata lill-interess tal-koppja fit-tkomplija tar-relazzjoni tagħhom mat-tifel. Il-Qorti Ewropea qalet li kieku l-qrati Taljani ħallew lill-koppja jżommu lit-tifel anki jekk b’mod adottiv, kien ikun ifisser li kien jingħata timbru ta’ legalità lill-azzjonijiet tal-koppja li kienu jiksru l-liġijiet Taljani. Għalhekk, il-Qorti Ewropea kkonkludiet li l-qrati Taljani kienu waslu għal konklużjoni ekwa u ġusta.

Nota:    Għas-sentenza sħiħa kif ukoll sabiex wieħed jaqra l-opinjonijiet separati ta’ diversi mħallfin, wieħed għandu jfittex is-sentenza permezz tad-dettalji mogħtija fl-introduzzjoni fuq id-database “HUDOC” tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, liema database huwa aċċessibbli mill-website relattiva.