Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Brexit: il-verita’ tiltaqa’ mal-gidba

Peter Agius  -  13/04/2017 09:15

Fl-aħħar sessjoni plenarja fi Strasburgu l-Parlament Ewropew adotta reżoluzzjoni li tistabbilixxi l-kwadru li fih iridu jsiru n-negozjati tal-brexit. Il-vot ġabar 516 MEPs favur, fosthom Skoċċiżi, mill-Irlanda ta’ fuq u Welsh.

B’din ir-reżoluzzjoni l-Parlament Ewropew ixejjen it-teoriji mxerrda fis-sakra ta’ qabel ir-referendum fl-Ingilterra kif ukoll wħud mill-pretensjonijiet ta’ Theresa May fl-ittra tagħha li tibda l-proċess tal-brexit.

Il-verita fl-aħħar iltaqat mal-gidba. U l-laqgħa tagħhom xejn ma kienet pjaċevoli.

Mit-teoriji ta’ kemm l-Ingilterra ser tinnegozja trattati ma’ potenzi ekonomiċi madwar id-dinja waqajna għat-twissija tal-Parlament Ewropew li r-Renju Unit jibqa’ Stat Membru sal-ġurnata li fiha jidħol fis-seħħ it-Trattat tal-brexit.

Evidentement jekk ir-Renju Unit ma jkollux arranġamenti dettaljati ma’ pajjiżi oħra ser jgħaddi minn żmien fejn l-esportazzjoni tkun imxekkla b’ dazji u kwoti li jagħmlu ħsara kbira lin-negozji u lill-ekonomija.

Punt ieħor ta’ interess fir-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew huwa t-twissija li fin-negozjati m’għandux ikun hemm aċċess preferenzjali għas-servizzi finanzjarji ġejjin minn Londra. Din daqqa oħra fl-istonku għat-teorija tal-“having the cake and eat it” ta’ Boris Johnson.

Il-kliem tal-Parlament Ewropew ma jħallix wisq spazju ta’ interpretazzjoni għal Michel Barnier, il-persuna appuntata mill-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi n-negozjati. Il-Parlament Ewropew qed jagħmila ċara daqs kemm dejjem kienet – ma jistax ikollok aċċess bla xkiel għas-suq Ewropew jekk ma taċċettax l-aspetti kollha tas-suq Ewropew.

Dan il-messaġġ tal-Parlament Ewropew ċertament ser jasal immedjatament għand il-ħames mitt bank u uffiċċji ta’ servizzi finanzjarji f’Londra li ġia kienu qed jeżaminaw kemm nies jeħtieġ joħorġu minn Londra lejn Frankfurt, Pariġi jew forsi Malta biex ikunu jistgħu jilħqu lill-500 miljun konsumatur Ewropew.

L-insistenza ta’ Theresa May li ma tridx tkun parti mis-suq komuni Ewropew ġiet akkomodata mill-Parlament Ewropew. Li għandi dubju huwa dwar kemm ir-Renju Unit antiċipa tajjeb ir-riperkussjoni tat-talbiet tiegħu.

Fih x’taqra wkoll l-intervent tal-perċimes ta’ dan kollu, l-MEP Nigel Farage, li f’din is-sessjoni Plenarja kien partikolarment kwiet u kajman, mhux bħas-soltu tiegħu.

Wara li qala ċanfira babaw mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani għax qabbel lill-Unjoni Ewropea ma’ klabb tal-mafia Farage donnu ried joffri id ta’ ħbiberija meta qal li r-Renju Unit ser jara li l-interessi taċ-ċittadni tal-Unjoni Ewropea ma jiġux preġudikati. Ġest mhux tas-soltu li Farage ifittex il-kompromess, forsi sinjal taż-żminijiet kif jinbidlu.