Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Min qed ibid il-bajd tad-deheb?

Kummissjoni Ambjent  -  24/04/2017 09:15

Waħda mill-ħrejjef ta’ Esopu tirrakkonta l-istorja ta’ bidwi li kellu wiżża li kienet tbid bajda tad-deheb kuljum – biżżejjed sabiex ikun jista’ jgħix hu u l-familja tiegħu kuljum mill-bejgħ ta’ dik il-bajda. Imma r-regħba rikbitu u f’attentat biex isir sinjur malajr, qatel il-wiżża u fetaħha biex jikseb id-deheb li, mingħalih, kien hemm fiha. Imma ma sab xejn! B’hekk tilef il-wiżża u magħha l-opportunità li jibqa’ jara l-ġid għal ħajtu kollha. 

Din il-ħrafa twissina sabiex inkunu għaqlin fil-mod kif namministraw il-ġid li għandna. Ħafna huma dawk li jeqirdu il-ġid li jkollhom (il-familja, il-ħbiberija, il-paċi, il-ġid tal-familja) bit-tama fiergħa li jistagħnew f’kemm ili ngħidlek, u hekk ikunu aħjar. Għalhekk l-espressjoni “toqtolx il-wiżża (jew it-tiġieġa) li qed tbid il-bajd tad-deheb”.

Wara xi kummenti li dehru dan l-aħħar fuq il-medja, wieħed tajjeb jistaqsi: Fil-gżejjer tagħna, min hi l-wiżża li qed tbid il-bajd tad-deheb? Jew inkella: Min fejn ġejjin l-opportunitajiet li qed jippermettu li jitkattar il-ġid f’pajjiżna? Hu importanti li nagħmlu dan għax jekk irridu li niżguraw li l-ġid komuni jitkattar, irridu niċċaraw ’il fejn għandhom imorru l-isforzi tagħna: nieħdu ħsieb nipproteġu lill-wiżża, jew il-bajd li tbid?

L-ebda industrija partikolari mhi l-wiżża li tbid il-bajd tad-deheb. Kull industrija li qed tikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ Malta qed tagħmel dan għax qed tgawdi mill-patrimonju ambjentali, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. Malta u dak kollu li hu Malti qed jattira l-investiment … Mela Malta hi l-wiżża li qed tbid il-bajd tad-deheb! Għalhekk jekk irridu niżguraw li aħna u dawk li ġejjin warajna nkomplu ngawdu l-ġid li għandna, jeħtieġ li nrażżnu r-regħba u naraw kif nipproteġu l-patrimonju tagħna. Jeħtieġ ninvestu bil-għaqal biex insaħħuh u mhux inħarbtuh, l-aqwa li nimlew il-bwiet. Fi ftit kliem irridu niżguraw li l-iżvilupp ta’ pajjiżna jkun sostenibbli.

Għal dawk li għandhom verament għal qalbhom il-ġid ta’ pajjiżhom, u li tassew jimpurtahom mit-tqassim ekwu tiegħu, ma jużawx it-terminu ‘żvilupp sostenibbli’ bħala paraventu ġdid li warajh jaħbu l-istess operat distruttiv li kienu jagħmlu qabel. Lanqas ma jagħmlu pressjoni sabiex il-liġijiet tal-ippjanar isiru aktar laxki bl-iskuża li neħilsu mill-burokrazija żejda.

Min hu fil-poter għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-bajd tad-deheb igawdi minnu kulħadd … mhux biss dawk li b’mod leċitu (u mhux) għandhom aċċess dirett għar-riżorsi, u għal min jieħu d-deċiżjonijiet. Bħala pajjiż irridu niżguraw li ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn grupp żgħir ta’ nies (li jsostni li qed idawwru l-ekonomija ta’ Malta) ikun madwar il-mejda; jimlew żaqqhom bl-ikel (jew bid-deheb) u l-kumplament taċ-ċittadini jikkuntentaw rwieħhom bil-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda kultant żmien. Vera li l-frak li jaqa’ jidher ħafna (għal min hu bil-guħ), imma jeħtieġ li ċ-ċittadini jirrealizzaw li huma għandhom sehem minn dak li hemm FUQ il-mejda.

Biex dan isir, dawk li jidħlu għar-responsabbiltà li jiżguraw it-tqassim ekwu tal-ġid ikunu aktar viċin ta' min qiegħed taħt il-mejda milli ta’ dawk li jinsabu madwarha.