Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Bdiet is-sħana…

Dun Brendan M. Gatt  -  25/04/2017 09:15

Qalulna li l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’pajjiżna se ssir f’inqas minn sena… u jinħass! Il-qiegħa bdiet tisħon sew u magħha bdew jisħnu l-irjus. Id-dibattiti u l-kontroversji li jibdew fil-parlament jew fuq il-mezzi tax-xandir bejn il-politiċi, l-opinjonisti u l-ġurnalisti jkomplu fi djarna u fuq il-media soċjali bejn il-familjari, il-kollegi u l-ħbieb. Jekk fi żmien l-elezzjoni presidenzjali Amerikana bosta lmentaw minn polarizzazzjoni kbira tal-imħuħ u velenu fid-diskors – iktar minn argumenti razzjonali u sereni – jisgħob bija ninnota li l-istess qed jiġri f’pajjiżna.

Mhux għax aħna xi poplu li normalment jieħu l-affarijiet bil-kalma. Nafu kemm għandna ħabta nitbaqbqu fuq kwalunkwe suġġett, mill-futbol u l-festi sa affarijiet ferm iktar trivjali. U allura ma jistax ikun li ma nisħnux fuq il-politika wkoll. Iżda dak li ġie nnutat dwar l-Amerka, jiġiferi dik it-tendenza li tpinġi lil dawk ‘tan-naħa l-oħra’ bħala mostri, stupidi u elf titlu offensiv ieħor, diġà tinħass f’pajjiżna, ferm iktar kmieni mis-soltu (għallinqas jekk l-elezzjoni verament se ssir f’Marzu 2018); imma forsi l-elezzjoni wkoll se tiġi iktar kmieni milli qalulna!

Filwaqt li huwa tajjeb – anzi, essenzjali – li jkun hemm dibattitu san u ħieles, għax wara kollox aħna, l-elettorat, għandna dritt inkunu nafu x’jemmnu u x’isarrfu dawk li jridu l-vot tagħna, żgur m’huwiex san it-tgħajjir, l-insulti u l-karikaturi esaġerati ta’ dawk b’fehma differenti minn tagħna. Dan l-antagoniżmu esaġerat joħloq stmerrija – jekk mhux saħansitra mibegħda – lejn l-oħrajn, inessina l-argumenti u l-punti x’inhuma fil-qofol tagħhom, u jirriduċi d-dibattitu politiku sempliċiment għal ‘aħna kontra huma’. Il-votant konfuż jispiċċa jivvota bħalma dejjem għamel, flok jirrifletti b’serenità dwar x’inhu l-aħjar għal pajjiżna f’dan il-mument partikolari. Tinsa’ li aħna – suppost – demokrazija Ewropea fejn ir-raġun ma jiġix mill-għajjat u t-tisbit imma mill-fatti u l-kapaċità li tikkonvinċi.

Eżempju ta’ dan joħroġ mid-dibattitu li l-Ġimgħa li għadda kien hemm fuq Xarabank bejn il-kapijiet tal-partiti. Jien ma stajtx insegwi d-dibattitu live minħabba impenji oħra, imma qrajt għexieren jekk mhux mijiet ta’ kummenti fuq facebook. Li nnutajt kien li l-perċezzjoni tal-biċċa l-kbira tan-nies ta’ kif mar id-dibattitu (u min rebħu) kienet eżatt skont il-fehma politika tagħhom. Kienet biss minoranza ċkejkna ħafna li pruvat tifli b’mod oġġettiv il-punti mqajma miż-żewġ mexxejja u l-istil tagħhom. Inċidentalment, kulħadd jaħseb u jemmen li hu oġġettiv.

X’jista’ jsir biex tiġi evitata din is-sitwazzjoni ta’ polarizzazzjoni estrema u negattiva? Il-partiti, ibda mill-mexxejja u l-kandidati u inżel sal-mezzi tax-xandir rispettivi tagħhom għandhom jagħtu pass lura u jrażżnu ċerta retorika velenuża. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li noqogħdu ‘nagħmlu żiżi’ lil xulxin! Il-kritika trid issir, ovvjament, b’mod speċjali f’każi ta’ mġieba skandaluża (jekk mhux ukoll kriminali) mill-politiċi u dawk ta’ madwarhom; dan it-tip ta’ skrutinju huwa essenzjali għal demokrazija ħajja. Iżda hemm differenza bejn kritika u mibegħda.

Ma’ dawn ma nistax ma nsemmix il-media indipendenti li tista’ tgħin f’dan l-iskrutinju mingħjajr biża’ jew favur; insemmi wkoll l-istituzzjonijiet suppost awtonomi u ħielsa, bħall-ġudikatura u l-pulizija, li għandhom id-dmir li jiżguraw (u jserrħulna moħħna) li s-saltna tad-dritt għadha tirrenja f’pajjiżna; li f’għajnejn il-liġi kulħadd xorta.

U aħna, il-popolin? Jeħtieġ inżommu f’moħħna li dawk l-istess nies li llum faċilment nistħajluhom għedewwa u mostri, l-għada tal-elezzjoni se jibqgħu kollegi, ġirien u familjari tagħna. Fuq kollox jibqgħu bnedmin b’sentimenti u b’dinjità li tistħoqq rispett u imħabba. Effettivament, xi ħadd irid jiġbed linja u jgħid: “il-ħdura tieqaf hawn.”

Oħlom, sieħbi!


Dun Brendan M. Gatt