Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Vann jidħol f'folla nies f'Barċellona; diversi midruba

Il-Papa l-Iswed u t-tape recorder

Dun Brendan M. Gatt  -  03/04/2017 15:41

Ftit ġimgħat ilu, waqt intervista, il-Ġeneral tal-Kumpanija ta’ Ġesù (il-Ġiżwiti), Padre Arturo Sosa, għamel xi affermazzjonijiet li ħolqu ċerta perplessità. Ħallejt ftit żmien jgħaddi, sabiex dak li nikteb ikun meqjus u frott ir-riflessjoni, mhux knee-jerk reaction kif faċilment jiġri quddiem kontroversji simili.

Stajt ħallejt kollox għaddej, veru; imma nemmen li ftit rimarki jkunu utli, kemm minħabba l-importanza ta’ Padre Sosa (nafu li l-Ġeneral tal-Ġiżwiti popolarment jissejjaħ “il-Papa l-Iswed” proprju minħabba l-influwenza li jgawdi fil-Knisja) u kif ukoll għax jekk ma nifhmux sewwa dak li qal, faċilment naqgħu f’ċerta konfużjoni.

Padre Sosa kien qed jiġi mistoqsi dwar dak li sostna l-Kardinal Müller, jiġifieri li t-tagħlim ta’ Ġesù dwar li ż-żwieġ ma jinħallx, kif jinsab fil-Bibbja, ma jistax jinbidel għax huwa Kelma t’Alla. Wieġeb hekk: “Intant forsi rridu nagħmlu riflessjoni tajba dwar dak li verament qal Ġesù; dak iż-żmien ħadd ma kellu ‘tape recorder’ biex jirrekordja l-kliem tiegħu. Li nafu hu li l-kliem ta’ Ġesù jrid jiġi kontestwalizzat; intqal b’lingwaġġ, f’ambjent preċiż, indirizzat lil xi ħadd partikolari.” (traduzzjoni tiegħi)

Fil-pront il-ġurnalist, l-Isvizzeru Giuseppe Rusconi, oġġezzjona li raġunament simili jfisser li kliem Kristu ma jibqax assolut imma jsir relattiv, jiġifieri jvarja skont l-interpretazzjoni individwali bil-konsegwenza li kull tagħlim ta’ Ġesù jiġi suġġett għad-dubju. F’risposta kemmxejn ‘ġeżwitika’, Sosa qal li le, mhux dubbju imma dixxerniment għax huwa l-Ispirtu s-Santu li jrid iwassal lil dak li jkun biex jifhem eżatt x’ried jgħid Ġesù.

Jien il-punt ta’ Padre Sosa nifhmu. Hija ovvja li ħadd ma kien qiegħed jirrekordja lil Ġesù hu u jitkellem; teknoloġija bħal dik ma kenitx teżisti dak iż-żmien. Naqbel ukoll li l-kliem ta’ Kristu għandu jiġi studjat f’kuntest ta’ talb u dixxerniment sabiex lil kull ġenerazzjoni joffrilha risposti għaċ-ċirkostanzi reali tagħha. Imma l-punt li qajjem Sosa huwa wieħed delikat; anzi, nazzarda ngħid, jiżloq! Mingħajr ma nidħol f’wisq dettall, ngħid żewġ punti biss.

L-ewwel: tape recorders ma kienx hemm, tassew; iżda nies intelliġenti li semgħu dal-kliem u għaddewh lil ta’ warajhom – l-ewwel bid-diskors u mbagħad bil-kitba – kien hemm. Jekk ninsew dan il-fatt nistgħu nżarmaw kollox. L-Ispirtu s-Santu li jgħin u jdawwal il-proċess ta’ dixxerniment, huwa – skont it-tagħlim tal-Knisja – l-istess Spirtu s-Santu li nebbaħ u ispira lill-Evanġelisti sabiex iwasslulna l-kliem ta’ Ġesù b’fedeltà lejn l-intenzjoni oriġinali tal-Mulej, intenzjoni li tibqa’ valida għal kull ġenerazzjoni.

It-Tieni: Padre Sosa jidher li għandu fiduċja kbira fil-qawwa ta’ kull bniedem li jiddixxerni l-kliem ta’ Kristu u japplikah korrettament. Iżda sfortunatament il-fatti juru mod ieħor. Biżżejjed nikkunsidraw tant knejjes, komunitajiet u setet li għandhom interpretazzjonijiet radikalment differenti fuq punti essenzjali għall-fidi Kristjana. Impossibbli li kollha għandhom raġun, għax inkella jfisser li l-Ispirtu s-Santu jgħid ħaġa lil wieħed u oħra lill-ieħor; illum jgħid ħaġa u għada jgħid oħra.

Imma huwa proprju għalhekk li l-Mulej żejjen lill-Knisja b’Maġisteru (jiġifieri s-setgħa tal-Papa u l-Isqfijiet li jgħallmu b’awtorità) li jikkonferma t-tagħlim awtentiku u dejjiemi: sabiex bħala Nsara ninterpretaw kliem il-Mulej skont kif irid HU, mhux kif irrid jien (li ħafna drabi, frott id-dgħufija jispiċċa “kif jaqbilli”).

Għax jekk ngħidu li kliem Kristu dwar iż-żwieġ jista’ jingħata interpretazzjoni differenti sempliċiment għall-fatt li ħadd ma kellu tape recorder dak iż-żmien, tassew inkunu qbadna żurżieqa tiżloq. Xi jżomm milli xi ħadd jagħti interpretazzjoni kif jaqbillu lil tant frażijiet skomdi tal-Mulej, fosthom dawn li ġejjin?

  • “Jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni.” (Mattew 25, 35);
  • “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta' ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.” (Mattew 5, 39);
  • “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja.” (Mattew 16, 24).

L-intervista oriġinali, bit-Taljan, tista’ taqraha hawn: http://www.rossoporpora.org/rubriche/interviste-a-personalita/672-gesuiti-padre-sosa-parole-di-gesu-da-contestualizzare.html