Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Joseph Muscat jispjega l-proposti tal-PL għall-biedja u s-sajd   |  "Il-Forza Nazzjonali ikbar mill-kampanja elettorali" - Simon Busuttil

Il-politika nikkontrollaha jien

Dr Nadia Delicata  -  18/05/2017 09:58

Il-politika, għalkemm spiss ikkritikata, hi vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni. Nitlob lill-Mulej li jagħtina iżjed politiċi li tabilħaqq għandhom għal qalbhom is-soċjetà, il-poplu, il-ħajja tal-foqra!  Hu indispensabbli li dawk li jiggvernaw u li għandhom is-saħħa finanzjarja jgħollu ħarsithom u jwessgħu l-perspettiva tagħhom, li jagħmlu mod li jkun hemm xogħol dinjituż, edukazzjoni u servizz tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha.  U għaliex ma jdurux għand Alla biex idawwalhom fil-pjanijiet tagħhom?” 

Il-Papa Franġisku fid-dokument Il-Ferħ tal-Evanġelju (205)

Dan il-kliem ta’ Papa Franġisku jimliena bil-kuraġġ.

Kemm-il darba nsiru ċiniċi u naħsbu li jekk tiċċappas mal-politika, bilfors li ssir maħmuġ!

Il-Papa jgħidilna bil-maqlub: il-politika hija vokazzjoni, anzi, forma ta’ karità l-iktar awtentika, għax tħares il-ġid komuni u mhux biss tal-ftit. Imma kull tjubija onesta, kull vokazzjoni sinċiera, tibda mill-qalb u mill-karattru sod tal-persuna. Għalhekk, politiċi li jgħixu l-vokazzjoni tagħhom, li lesti jiddjalogaw b’onestà u integrità, huma kapaċi jrażżnu l-ħażen fil-kultura. Huma kapaċi jbiddlu l-firda u l-inġustizzja,  f’relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi li minnhom jibbenefika kulħadd, u b’mod speċjali, ż-żgħir u l-fqir.

Il-Papa jħeġġiġna li nitolbu lil Alla, biex jibgħat iktar persuni li għandhom vokazzjoni politika sinċiera:

politiċi li tassew iħossu għad-dgħajjef, u li jitnikktu meta jaraw il-firda, id-diżonestà, u n-nepotiżmu li jdagħjfu lis-soċjetà.

Li l-politiċi ma jagħlqux għajnejhom għall-vittmi ta’ inġustizzja, u ma jagħmewx bil-poter għall-gwadann personali tagħhom.

Il-politiku onest jaħdem bla heda għal strutturi soċjali fejn iċ-ċittadini kollha jibbenefikaw u ċ-ċittadini kollha jipparteċipaw permezz ta’ ħidma fejjieda u dinjituża.

Imma l-politiku li l-vokazzjoni tiegħu jew tagħha hi s-servizz għall-oħrajn, huwa magħżul minna ċ-ċittadini. L-għażla tagħna meta nivvutaw għar-rappreżentanti tagħna, hija għażla morali li tirrikjedi għaqal. Bħal politiku onest, meta nivvota, jien ma nistax inħares biss lejn dak li hu ta’ vantaġġ għalija, imma lejn dak li hu ta’ vantaġġ għall-pajjiż li lkoll aħna parti minnu.

Hija illużjoni li naħsbu li jekk jien għandi l-but mimli, nista’ noqgħod trankwill għax moħħi mistrieħ. Jekk il-pajjiż ibati, iċ-ċittadini kollha jbatu—mill-kbir saż-żgħir. Iż-żgħar huma dejjem dawk li jħallsu l-prezz l-iktar għoli, imma pajjiż li jgħaddi minn burraxka politika, fl-aħħar mill-aħħar, l-effetti tagħha jolqtu ħażin lil kulħadd. Il-poplu kollu qed isalpa fuq l-istess ġifen; kulħadd huwa vulnerabbli meta jinqala’ l-maltemp. 

Imma l-atmosfera politika nikkontrollaha jien, iċ-ċittadin, permezz tal-vot tiegħi. Bil-vot tiegħi jien nagħmel għażla bejn individwi li kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà tal-pajjiż, u dawk li mal-ewwel buffura riħ, jagħmlu biss dak li jaqbel lilhom.

 

Dr Nadia Delicata

Lecturer fit-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija