Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Joseph Muscat jispjega l-proposti tal-PL għall-biedja u s-sajd   |  "Il-Forza Nazzjonali ikbar mill-kampanja elettorali" - Simon Busuttil

Ksur tal-jedd tal-libertà tal-espressjoni

Dr Ramon  Bonett Sladden  -  02/05/2017 09:15

Nhar it-28 t’April 2017 ingħatat is-sentenza fil-kawża fl-ismijiet Ignatius Busuttil vs. Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali mill-Qorti Kostituzzjonali, magħmula mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri bħala president kif ukoll mill-imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.

Il-fatti fil-qosor

Fl-4 t’Awwissu 2014, Busuttil kellu inkontru ma’ uffiċjal tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn deherlu li kien ittrattat ħażin. Għalhekk, saq lejn Kastilja għax ried ikellem lill-Prim Ministru u pparkja quddiem it-taraġ ta’ Kastilja. Membru tal-Korp tal-Pulizija avviċina lil Busuttil u qallu biex ineħħi l-vettura tiegħu. Busuttil wieġeb li ma kienx ser idum. Sa dak it-tant, Busuttil tela’ t-taraġ ta’ Kastilja u kellem lill-membru tal-Forzi Armati li jkun stazzjonat fil-bieb prinċipali. Dan ma ħalliex lil Busuttil jidħol għax ma kellux appuntament. Meta Busuttil irritorna ħdejn il-vettura tiegħu, sab li l-pulizija kien tah avviż ta’ kontravvenzjoni (ċitazzjoni). Wara dan, Busuttil mar u qagħad bilqegħda fuq it-taraġ ta’ Kastilja. L-uffiċjal tal-pulizija pprova jċaqalqu, iżda Busuttil ma riedx jiċċaqlaq. Wara li ġew pulizija oħrajn mill-Għassa tal-Belt, eventwalment Busuttil neħħa l-vettura tiegħu u mar magħhom l-għassa. Wara ftit, huwa ħareġ u telaq bil-vettura tiegħu. Il-ġurnata ta’ wara, jiġifieri l-5 t’Awwissu, Busuttil reġa’ saq lejn Kastilja u mal-vettura tiegħu waħħal numru ta’ posters jipprotestaw l-aġir tal-MEPA. Huwa pparkja ħdejn l-istatwa ta’ George Borg Olivier. Pulizija li kien stazzjonat fil-viċin qallu jwarrab għax kien ipparkjat fuq double yellow line. Wara li Busuttil irrifjuta, xi pulizija mill-Għassa tal-Belt ħadu lil Busuttil l-għassa minn fejn huwa tħalla jitlaq wara li għamel stqarrija. Fit-8 t’Awwissu, Busuttil reġa’ għamel l-istess ħaġa. Din id-darba huwa ġie arrestat u billi Busuttil semma’ li kien qiegħed jirċievi kura għal problem ta’ saħħa mentali, ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, liema ċentru rreferih għall-isptar Mater Dei. Wara dan, ittieħed l-isptar Monte Karmeli fejn wara li ġie invistat, ma rċieva ebda kura u ġie meħlus.

Kwistjonijiet legali

Wara dan kollu, Busuttil fetaħ kawża kostituzzjonali fejn ilmenta li l-mod kif kien ittrattat mill-pulizija kien jammonta għal ksur tal-jedd fundamentali tiegħu tal-libertà tal-espressjoni taħt l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Kummissarju tal-Pulizija rrisponda billi qal li l-pulizija kienu aġixxew fl-interess tas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku u għalhekk ma kien hemm ebda ksur tad-dritt imsemmi.

L-ewwel qorti qalet li biex intervent tal-pulizija jkun ġustifikat, kellu jkun hemm prova determinanti u konklussiva li kien hemm periklu manifest għall-ordni u s-sigurtà, li l-periklu kien imminenti u li dan il-periklu ma seta’ jiġi evitat b’ebda mod ieħor. Fid-deċiżjoni tagħha, l-ewwel qorti qalet li ma kellha ebda dubju li r-reazzjoni tal-pulizija għall-imġieba ta’ Busuttil qabżet kull limitu aċċettabbli f’soċjetà demokratika. Din il-qorti ddeċidiet ukoll li Busuttil kien ħaqqu kumpens ġust u xieraq, kif ukoll li l-mawra f’Monte Karmeli kienet waħda umiljanti għalih, partikolarment wara li rriżulta li hu kien ittieħed hemm għalxejn. L-ewwel qorti ffissat kumpens ta’ elfejn Ewro.

Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali appellaw mis-sentenza. Huma argumentaw li ma kien hemm ebda vjolazzjoni tal-jedd tal-libertà tal-espressjoni għax l-għan tal-uffiċjali tal-pulizija kien biss (kif irriżulta mill-provi) li Busuttil ma jipparkjax illegalment u ma jħallix il-vettura fejn mhux suppost titħalla. Busuttil wieġeb għall-appell billi qal li l-jedd tal-libertà tal-espressjoni jista’ biss ikun assoġġettat għal limitazzjonijiet f’każ ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika, il-prevenzjoni ta’ delitti u f’ċirkostanzi simili. Busuttil argumenta li l-ipprotestar tiegħu kien sar mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ terzi u kien paċifiku għall-aħħar, u għalhekk qatt ma kien theddida għas-sigurtà pubblika. Il-fatt li huwa mar quddiem Kastilja fi tlett okkażjonijiet differenti kien biżżejjed għall-pulizija biex jintebħu li l-unika intenzjoni ta’ Busuttil kienet li jiġbed l-attenzjoni tal-Prim Ministru jew ta’ xi ħadd f’xi kariga għolja u għalhekk, l-azzjonijiet tal-pulizija biex iwaqqfu l-protesta ta’ Busuttil kienu estremi.

Il-punt essenzjali li qablu dwaru l-ewwel qorti u l-Qorti Kostituzzjonali kien li deher li l-protesta ta’ Busuttil ħassbet lill-pulizija iktar mill-ipparkjar ħażin tiegħu. Dan deher mill-fatt li anki meta l-karozza kienet ipparkjata ħażin u Busuttil ittieħed l-għassa, meta dan tħalla jitlaq mill-għassa, huwa sab il-karozza tiegħu fl-istess post. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-fatt li ġie msejjaħ kontinġent sħiħ ta’ pulizija biex jeħduh l-għassa, jarrestawh u jinterrogawh ma kienx proporzjonali mal-att li wieħed ipparkja fejn mhux suppost. Skont il-Qorti Kostituzzjonali, il-pulizija dehru li beżgħu mill-protesta siekta ta’ Busuttil, iżda meta ġew biex ineħħu lil Busuttil minn fejn kien, jiġifieri meta ppruvaw jiġbduh minn fuq it-taraġ u sejħu diversi pulizija oħra biex jagħmlu dan, ma kinux qed jaġixxu fi proporzjon għall-allegat għan tagħhom li jġiegħluh ineħħi l-vettura tiegħu minn fejn kienet ipparkjata. F’ċirkostanzi normali l-pulizija kienu biss jagħtu ċitazzjoni u forsi jirmunkaw il-vettura u jieqfu hemm. Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li fir-rigward tat-teħid ta’ Busuttil f’Monte Karmeli, il-pulizija aktarx kienet ġustifikata. Finalment il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li l-jedd tal-libertà tal-espressjoni kien ġie miksur iżda naqqset il-kumpens minn elfejn Ewro għal elf Ewro.

Nota:    Għas-sentenza sħiħa, wieħed għandu jirrikorri fis-sit elettroniku www.justiceservices.gov.mt.